Libjan ta’ 33 sena beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja mixli li lejliet il-Milied tal-2018 huwa stupra lil martu li hija Maltija u li tiġi wkoll omm ibnu li llum għandu ħames snin. Il-każ allegatament kien seħħ f’appartament f’Tas-Sliema meta l-koppja kienet għaddejja minn proċeduri ta’ separazzjoni.
Ir-raġel jinsab akkużat bi stupru aggravat minħabba li l-allegata vittma kienet martu fid-data tar-reat, kif ukoll li wettaq atti sesswali mhux kunsenswali fuq il-mara u li heddidha, u li kkaġunla biża ta’ vjolenza. Il-minimu ta’ priġunerija f’każ ta’ ħtija f’dan il-każ huwa ta’ seba’ snin ħabs filwaqt li l-massimu huwa ta’ 16-il sena.
Meta kien tressaq il-Qorti l-Prosekuzzjoni kienet qalet li waqt li kien fil-kustodja tal-Pulizija l-Libjan kien ipprova jerġa jagħmel kuntatt ma’martu minkejja li kien impedut milli jagħmel dan. Kien ġie allegat li huwa kien mar wara l-bieb tad-dar tagħha.
Il-Prosekuzzjoni wkoll kienet informat lill-Qorti li anke waqt li kien arrestat ipprova jċempel lil martu, u li pprova wkoll jitkellem ma’ persuni oħra li kellhom jixhdu fil-każ. Kien ingħad ukoll li l-akkużat kien qed jippjana wkoll li jitlaq minn Malta lejn iċ-Ċina. Ir-raġel qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.
Il-Qorti pprojbixxiet il-pubblikazzjoni tal-ismijiet b’rabta ma’ dan il-każ, fosthom tal-akkużat biex tipproteġi lill-vittma. Ir-raġel, li dejjem wieġeb li huwa nnoċenti kien qal ukoll li ma kellux l-intenzjoni li jċempel lill-vittma u wara kien ukoll ta l-mowbajl tiegħu lill-Pulizija. Għall-akkużat qed jidher l-Avukat Mario Mifsud filwaqt li l-Avukat Arthur Azzopardi qed jidher bħala parte civile fil-każ għan-nom tal-mara. Il-każ kien ġie nvestigat mill-Ispettur John Spiteri.
//= $special ?>