‘Il fuq minn 1,000 suldat tal-Gvern Afgan kienu kostretti li jaħarbu lejn it-Taġikistan, man-naħa l-oħra tal-fruntiera, wara perjodu ta’ ġlied qalil mal-militanti Iżlamiċi tat-Taliban.
L-awtoritajiet fit-Taġikistan, wara, ħarġu stqarrija biex jgħidu li s-suldati ma kellhomx għażla oħra ħlief li jaqsmu għall-artijiet tagħhom ‘biex isalvaw ħajjithom’ u wara li huma kienu suġġetti għall-attakki bla heda tat-Talibani.
Il-vjolenza fl-aħħar jiem żdiedet sew fl-Afganistan, bit-Talibani jwettqu sensiela ta’ offensivi fuq il-qawwiet tal-Gvern minbarra li ħatfu l-kontroll ta’ ammont sinifikanti ta’ territorju.
L-ispinta fil-ġlied qed issir fi żmien meta l-Alleanza tan-NATO qed tikkonkludi l-missjoni militari fl-Afganistan li ilha għal dawn l-aħħar għaxorin sena.
Il-maġġoranza assoluta tal-qawwiet barranin li kien fadal fl-Afganistan spiċċaw jirtiraw minn dan il-pajjiż qabel id-deadline għall-‘irtirar totali’ li hu ffissat għal Settembru. Intant, l-inkwiet qed jikber li l-militar Afgan qiegħed jiffaċċja ‘kroll assolut’ quddiem il-qilla tat-Talibani.
Taħt il-ftehim mat-Taliban, l-Istati Uniti u l-alleati tan-NATO qablu biex jirtiraw lis-suldati kollha mill-Afganistan bil-patt li l-militanti f’dak il-pajjiż jimpenjaw ruħhom biex ma jippermettux li l-Al-Qaeda u gruppi terroristiċi oħrajn jinfiltraw iz-zoni li huma kontrollati mit-Talibani.
//= $special ?>