Sport Waterpolo

L-isforz taż-żgħażagħ Maltin imħassar b’gowl tar-Rumanija anqas minn minuta u nofs mit-tmiem

Rapport: Stewart Said

RUMANIJA……….. 6

MALTA……………… 5

(1-0), (1-1), (1-2), (3-2)

Kellu jkun gowl anqas minn minuta u nofs mit-tmiem li ċaħħad lit-tim nazzjonali Malti minn tal-anqas punt kontra r-Rumanija. Sforz li kull min segwa l-logħba jaqbel li kien ikun meritat. It-tim ta’ Anthony Farrugia kien tajjeb daqs l-avversarji u kien kapaċi jibqa’ fil-logħba sat-tmiem, bil-ferħ evidenti tar-Rumeni lejn it-tmiem, juri d-diffikultà li sabu fit-tim Malti.

Il-punti negattivi li hemm bżonn titjib fuqhom huma li ċertu gowls setgħu ġew evitati, żewġ gowls biss ġew skorjati minn sitt okkażjonijiet ta’ man-up filwaqt li dejjem kellhom jiġru wara r-riżultat minħabba li ġabu d-draw ħames darbiet iżda qatt ma kienu fil-vantaġġ.

Ir-Rumeni rebħu l-ewwel sessjoni 1-0, bil-gowl jasal anqas minn minuta mit-tmiem tas-sessjoni, bin-numru tlieta Benett Bajusz jiskorja f’azzjoni ta’ superjorità numerika. Malta skorjat l-ewwel gowl lejn nofs it-tieni sessjoni b’xutt tajjeb ta’ Cain Cutajar iżda Ianis-George Soponar reġa’ ta vantaġġ minimu lir-Rumanija minn penalty.

Reazzjoni mit-tim Malti wara l-mistrieħ li għamel l-iskor 2-2 b’gowl ta’ Elijah Schembri minn man-up. Għalkemm ir-Rumeni reġgħu marru minn fuq fl-aħħar minuta, Jayden Cassar ġab id-draw 18-il sekonda mit-tmiem tas-sessjoni, f’azzjoni wkoll ta’ superjorità numerika.

Ianis-George Soponar ta vantaġġ ta’ gowl għal darba oħra lir-Rumeni iżda nofs minuta wara Zak Cutajar Licari skorja gowl sabiħ mis-centre. Iż-żgħażagħ Maltin kellhom ikomplu jiġru wara l-logħba minħabba li r-Rumanija baqgħet tikseb il-vantaġġ.

Constantin-Vlad Porfireanu deher li se jagħti l-gowl tar-rebħa lir-Rumeni tliet minuta mit-tmiem iżda Jayden Cutajar ġab id-draw għall-ħames darba b’xutt preċiż. Madankollu fl-azzjoni sussegwenti, ir-Rumanija skorjat il-gowl tar-rebħa b’minuta u 16-il sekonda mit-tmiem, b’gowl ta’ Serban-Ilian Burda mill-viċin. It-tim Malti jilgħab għada fis-6.00pm kontra Spanja.

Rumanija: M. Paduret, R. Alistar, B. Bajusz (1), C. Porfireanu (1), T. Belu, M. Tokai, A. Mihai, A. Marinescu, R. Sandru, I. Soponar (2), M. Fitero, S. Burda (2), M. Szilagyi

Malta: D. Galea Mule, L. Dimech, J. Pace Mizzi, G. Bonavia, J. Cassar (1), D. Bugeja, Z. Cutajar Licari (1), J. Cutajar (1), E. Schembri (1), C. Cutajar (1), L. Montebello Brownrigg, E. Mallia, M. Brimmer

Referees: Lazar Andjelic (Serbja), Konstantine Nadiradze (Georgia)