Lokali Qorti

Mixli b’diversi serqiet u li huwa reċediv jingħata l-libertà proviżorja

Suspettat ħalliel li allegatament seraq lill-mistednin ta’ lukanda, xufiera tat-taxi’s u sewwieq li jikkonsenja l-ikel ingħata l-libertà proviżorja wara li wieġeb mhux ħati li wettaq diversi serqiet. Matthew Camilleri, ta’ 35 sena li joqgħod il-Gżira, allegatament huwa r-raġel wara sensiela ta’ serqiet irrappurtati s-sena l-oħra.

L-ewwel żewġ inċidenti allegatament seħħew f’Settembru meta karti ta’ kreditu u oġġetti personali oħra allegatament insterqu minn żewġ kmamar f’lukanda f’Tas-Sliema. Iż-żewġ serqiet seħħew fl-istess ġurnata bejn it-8. 00am u l-10.00am.

Kważi xahrejn wara, fix-xahar ta’ Novembru wara nofs inhar, xufier li jaħdem ma’ kumpanija tat-taxi’s ġie misruqlu l-flus kontanti u oġġetti personali oħra tiegħu. Siegħat wara, dik l-istess filgħaxija, sewwieq ieħor – din id-darba għal kumpanija li twassal l-ikel – bl-istess mod insterqu l-flus kontanti tiegħu.

Minn investigazzjoni li għamlet il-Pulizija jirriżulta li allegatament Camilleri ftit wara li jidħol fil-karozza kien jgħid lix-xufiera li ma kienx qed iħossu sew peress li ta’ spiss jinżillu z-zokkor. Sakemm ix-xufier inkwistjoni kien jinżel mill-karozza biex jara kif jgħin lill-akkużat, dan kien jispiċċa jinsteraq.

Is-sensiela ta’ serq kompliet 10 t’ijiem wara meta ammont ta’ flus kontanti mhux żvelat, li jaqbeż l-€2,329, insteraq minn maħżen tal-ikel tal-Gżira fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. L-investigazzjonijiet fl-aħħar ippuntaw fid-direzzjoni ta’ Camilleri bħala s-suspettat.

Dak iż-żmien, ir-raġel kien taħt garanzija mogħtija fi proċeduri separati. Camilleri reġa’ tressaq il-Qorti u akkużat ukoll li allegatament kiser żewġ digrieti tal-ħelsien mill-arrest mogħtija f’Jannar u f’April 2020, fuq insult u theddid ta’ żewġ uffiċjali fl-għassa ta’ Tas-Sliema kif ukoll li sar reċediv.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, laqgħet talba oħra għal pleġġ wara li semgħet is-sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet. Camilleri għandu jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija kuljum, jirrispetta curfew mit-3:00pm sal-11: 00am u jipprovdi garanzija personali ta ’€10,000. L-Ispetturi Jonathan Ransley u Jessica Bezzina mexxew il-Prosekuzzjoni. L-Avukat Lennox Vella kien l-avukat difensur.