Lokali Parlament

Rosianne Cutajar involviet ruħha fis-senserija; ma ddikjaratx il-ħlas ta’ €46,000

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler iddikjara li d-deputat Laburista Rosianne Cutajar involviet ruħha fis-senserija ta’ propjetà fl-Imdina bl-involviment ta’ Yorgen Fenech u ma ddikjaratx il-ħlas ta’ €46,000 li qalgħet.

Dan jirriżulta mir-rapport konklussiv tal-Kummissarju Hyzler li investiga dan il-każ. Kien il-Kumitat Parlametnari għall-Istandards fil li ddeċieda li r-rapport ikun pubblikat. Il-Kummissarju Hyzler se jixhed quddiem dan il-Kumitat nhar it-Tnejn 12 ta’ Lulju 2021.

Quddiem il-Kummissarju xehedu diversi persuni fosthom Rosianne Cutajar, Charles Farrugia ‘It-Tikka’ sensar u ħabib personali ta’ Cutajar, Joseph Camilleri, is-sid tal-Kumpanija Green Eyes u l-Avukat Pierre Lofaro, l-avukat ta’ Camilleri.

Kien fit-30 ta’ Jannar 2019 li konvenju bejn Henley Estates Malta Ltdgħan-nom ta’ klijent ta’ nazzjonalità Ċiniża u Green Eyes Ltd , li tagħha Joseph Camilleri huwa s-sid benefiċjarju aħħari, biex propjetà fl-Imdina tinbiegħ lil Green Eyes. Fi Frar jew Marzu 2019 saru kuntatti bejn Joseph Camilleri u Carmelo sive Charles Farrugia, magħruf ukoll bħala ‘Charlie t-Tikka’, bil-għan li jinstab xi ħadd interessat jixtri l-istess propjetà mingħand Green Eyes waqt li din għadha fuq konvenju. Charles Farrugia jassumi r-rwol ta’ sensar. Sussegwentement Rosianne Cutajar, ħabiba ta’ Farrugia, tħajjar lil Yorgen Fenech jixtri l-propjetà.

F’dan l-istadju Cutajar tokkupa l-kariga ta’ membru parlamentari. Hija wkoll ingaġġata fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat bħala persuna ta’ fiduċja bit-titolu ta’ Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija.
9 ta’ Mejju 2019 saret laqgħa fl-Imdina bejn Joseph Camilleri, Charles Farrugia, Cutajar u Yorgen Fenech biex tintwera l-propjetà lil dan tal-aħħar.


Fl-14 ta’ Mejju 2019 sar konvenju bejn Green Eyes u Yorgen Fenech biex il-propjetà fl-Imdina tinbiegħ lil Yorgen Fenech għas-somma ta’ €3.1 miljun. Yorgen Fenech iħallas depożitu ta’ €310,000 ,10% tal-prezz tal-bejgħ tal-propjetà, fi flus kontanti, lil Joseph Camilleri. Xi ġranet wara, Joseph Camilleri ħallas is-somma ta’ €93,000 bħala senserija. Din is-somma hija ekwivalenti għal 3% tal-prezz tal-propjetà.

Fis-27 ta’ Awissu 2019 Yorgen Fenech iħallas €31,000 fi flus kontanti bħala sehmu mis-senserija (1%) tal-prezz tal-propjetà. Huwa jgħaddi dawn il-flus lil Cutajar biex hi tgħaddihom lil Charles Farrugia, flimkien ma’ somma addizzjonali ta’ €9,000 li huwa rigal lil-istess Cutajar.

Fis-6 ta’ Novembru 2019 sar il-kuntratt tal-bejgħ tal-propjetà bejn Henley u Green Eyes waqt li fl-20 ta’ Novembru 2019 skada l-konvenju bejn Green Eyes Ltd u Yorgen Fenech u ma jiġix imġedded. Yorgen Fenech jiġi arrestat in konnessjoni mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fl-1 ta’ Diċembru 2020 sar affidavit minn Joseph Camilleri quddiem in-Nutar Ian Castaldi Paris dwar l-allegat rwol ta’ Cutajar fil-bejgħ tal-propjetà.

Fir-rapport tiegħu l-Kummissarju qal li kien konfrontat b’żewġ verżjonijiet djamettrikament opposti, t-tnejn ġuramentati.

Min-naħa hemm il-verzjoni ta’ Joseph Camilleri, li mhux il-persuna li għamel l-ilment li jgħid li Cutajar kienet ko-sensara, tant li jsostni:

Li s-senserija miftehma ma’ Camilleri rdoppjat meta tfaċċat Cutajar

Li hu ħallas sehemha mis-senserija direttament lilha

Li hija kkonfermat miegħu li għaddet l-flus u sabithom korretti

Li hi ħarġet €2,000 bħala sehemha mir-rifużjoni tas-senserija

Li Farrugia diversi drabi jirreferi għaliha

Li kienet il-persuna li sabet il-kompratur

Li kienet il-persuna li żammet komunikazzjoni mal-kompratur

Li kienet il-persuna li ġiet mogħtija personalment is-senserija mill-kompratur biex tgħaddiha lil Farrugia flimkien ma’ somma oħra li ngħatat lilha bħala rigal in konnessjoni mal-istess negozju.

Min-naħa l-oħra l-Kummissarju kellu l-verżjoni ta’ Rosianne Cutajar li ċaħdet kategorikament li ħadet flus bħala senserija.

Il-Kummisarju qal li hemm numru ta’ fatti u ċirkostanzi li jgħelbu l-miżien u jwassluh għall-konvinċiment neċessarju biex jissottometti li Cutajar tħallset senserija in konnessjoni man-negozju ta’ dar fl-Imdina, apparti x-xhieda ġuramentata ta’ Joseph Camilleri li ħallas lil Farrugia u lil Cutajar sehemhom separatament u f’ċirkostanzi differenti.

Jirriżulta li Rosianne Cutajar involviet ruħha fin-negozju tal-propjetà fl-Imdina:

Billi sabet il-kompratur

Billi marret tara l-propjetà flimkien max-xerrej, ma’ Charles Farrugia u mal-kompratur

Billi kienet preżenti wkoll waqt l-ikla f’Marsamxett fejn Joseph Camilleri ħallas is-senserija lilha jew lil Farrugia, skont liema verżjoni titwemmen

Billi ġabret is-senserija mingħand ilkompratur biex tgħaddiha lil Farrugia, skont kif jgħidu hi u Farrugia.

Skont kif qal Charles Farrugia stess, hu l-ewwel talab 1.5% tal-valur tal-propjetà bħala senserija għalih, imbagħad talab wieħed punt ħamsa fil-mija (1.5%) oħra bħala senserija għal persuna oħra.

Meta Camilleri talab lil Farrugia jirrifondi €4,000 mis-senserija, Farrugia irrifondihom f’żewġ pagamenti ta’ €2,000 kull wieħed. Farrugia stess ammetta li f’dan il-punt huwa semma’ lil Cutajar biex lil Camilleri forsi “tirtablu qalbu” u Farrugia jiffranka l-€2,000 li allegatament kellha tirrifondihom minn sehemha tas-senserija;

Meta ntalab jirrifondi l-bqija tas-senserija, Farrugia qal li Cutajar ma setgħetx tħallas sehemha għaliex kienet xtrat dar waqt li minkejja li Farrugia żeffen lil Cutajar fin-nofs b’dan il-mod, tant li anki l-avukat tagħha rrikonoxxa li “jekk kien hemm xi ħadd li ħolqilha linkwiet, kien hu” , huwa baqa’ ħabib intimu tagħha.

Il-Kummissarju qal li dan kollu huwa suffiċjenti biex iwasslu għall- konvinċiment ta’ sejbien ta’ nuqqas ibbażat fuq il-preponderanza tal-probabilitajiet, b’mod partikolari meta titqies ukoll l-istqarrija tal-Avukat Pierre Lofaro li waqt liffirmar tal-konvenju Charles Farrugia qal li peress li kemm hu u kemm Rosianne Cutajar kienu sensara, aħjar jitniżżel li m’hemmx senserija.

Ta sehem Cutajar direttament lilha

Joseph Camilleri, is-sid tal-kumpanija Green Eyes, jgħid li ta l-flus b’senserija, b’valur totali ta’ €93,000, nofs lil Charles Farrugia u nofs lil Cutajar, f’żewġ okkażjonijiet separati.

Sehem Farrugia tahomlu f’Café Cordina. Jallega li Farrugia qallu li ser imur bihom dritt il-Bank of Valletta u jqegħedhom ġo safe deposit box li kellu hemmhekk.

Hu jallega li sehem Cutajar tahomlha, fil-preżenza ta’ Farrugia, waqt ikla li saret fir-ristorant ‘Il Porticello’, Marsamxett. Camilleri ma kienx jaf x’jismu r-ristorant iżda spjega li kien ristorant li ma jiħux credit cards; dan għaliex Cutajar marret biex tħallas hi għall-ikla bil-credit card tagħha u spiċċa ħallas hu.

Kienet organizzata laqgħa mal-kompratur biex jara l-propjetà. Kien dakinhar li Camilleri sar jaf li l-kompratur kien Yorgen Fenech; kienu preżenti Camilleri, Fenech, Farrugia u Cutajar, għalkemm Fenech dam ħafna ma ġie. Kienet Cutajar li kkomunikat u ftehmet ma’ Yorgen Fenech.

Waqt il-laqgħa Cutajar ipparteċipat attivament fid-diskussjoni billi bdiet tħajjar lil Fenech jixtri d-dar. Skont iCamilleri ukoll, Cutajar kienet preżenti, flimkien ma’ Farrugia, meta kkonfermaw li Yorgen Fenech għamel offerta għall-propjetà.

B’hekk ġie li Camilleri kien ħallas senserija eċċessiva bil-quddiem u għalhekk talab lura total ta’ €4,000 mingħand Farrugia u mingħand Cutajar. Camilleri jgħid illi Farrugia aċċetta u l-ewwel tah rifużjoni ta’ €2,000 u wara xi jiem gablu €2,000 mingħand Cutajar. Jgħid ukoll li Farrugia oriġinarjament urih ċekk ta’ Cutajar għall-ħlas ta’ €2,000 iżda ma tahulux u minflok tah €2,000 fi flus kontanti.

Farrugia qal li Cutajar kienet sensara miegħu

L-Avukat Pierre Lofaro, f’isem Joseph Camilleri, stqarr bil-miktub illi dakinhar talkonvenju, Farrugia kien qal li Cutajar kienet sensara flimkien miegħu u għalhekk kien ikun aħjar li s-senserija ma tissemmiex fil-konvenju.

L-Avukat Lofaro qal li sema’ dal-kliem hu personalment. Hu qal ukoll li meta kien iltaqa’ b’kumbinazzjoni ma’ Farrugia l-Belt u kellmu fuq ir-rifużjoni tal-flus imħallsa bħala senserija, Farrugia kien qallu li Cutajar ma setgħetx tirritorna l-flus peress li kienet xtrat propjetà. Farrugia qallu wkoll li hu, flimkien ma’ Cutajar, kienu ħadu parir mingħand avukat li kien qalilhom li Camilleri ma kellu l-ebda dritt jitlob lura l-flus li tahom.

Cutajar ċaħdet li kienet sensara iżda ssuġġeriet id-dar lil Yorgen Fench

Cutajar ċaħdet li hi aġixxiet ta’ sensara u li ħadet senserija u kkonfermat li hi kienet issuġġeriet lil Yorgen Fenech bħala l-kompratur potenzjali għall-propjetà ta’ Camilleri, peress li kienet preżenti meta Camilleri u Farrugia ddiskutew il-propjetà għall-ewwel darba u peress li kienet ilha taf lil Yorgen Fenech.

Ikkonfermat ukoll li kienet preżenti meta l-partijiet konċernati ltaqgħu biex jaraw il-propjetà u li kienet hi li ċemplet lil Yorgen Fenech meta ma tfaċċax fil-ħin.

Cutajar ikkonfermat ukoll li Yorgen Fenech taha €40,000, li jirrappreżentaw €31,000 bħala 1% tas-senserija dovuta, biex hija tgħaddihom lil Charles Farrugia u €9,000 bħala rigal ta’ għeluq sninha.

Farrugia jsostni l-verżjoni ta’ Cutajar

Charles Farrugia ‘It-Tikka’ sostna li Cutajar ma kellha x’taqsam xejn man-negozju u ma ħadet ebda flus bħala senserija. Hu kien jiddiskuti n-negozju tal-propjetà magħha, iżda biss għax kienu qrib ta’ xulxin u kienu jitkellmu fuq ħafna affarijiet. L-uniku involviment tagħha fin-negozju kien li ssuġġeriet lil Yorgen Fenech bħala xerrej u kienet hi li ntroduċietu lil Farrugia u lil Camilleri.

Quddiem dawn il-fatti, il-Kummissarju wasal għall-fehma li l-allegazzjoni li tifforma l-qofol tal-investigazzjoni hija pruvata sal-grad ta’ preponderanza ta’ probbabilitajiet. B’hekk jidher li hemm prima facie ksur ta’ dmir previst għall-fatt li Cutajar ma ddikjaratx ħlas ta’ senserija fis-sena 2019 kif kellha dmir tagħmel skont il-Kodiċi ta’ Etika tal-Ministri u Segretarju Parlamentari.