Minn stħarriġ li sar, iż-żgħażagħ qed jaraw il-ħajja ferm differenti minn kif jarawha l-adulti u l-anzjani… bir-reliġjon tidher li ħadet daqqa ta’ ħarta fost il-ġenerazzjoni l-ġdida.
L-istħarriġ bl-isem ta’ “L-effetti tal-COVID-19 fuq ir-Reliġjon u l-Ispiritwalità matul dawn iż-żminijiet diffiċli”, li sar mill-Fakultà tat-Teoloġija fi ħdan l-Università ta’ Malta, juri li ż-żgħażagħ ftit li xejn iħossu li Alla u r-reliġjonijiet huma importanti fil-ħajja tagħhom, b’ħafna minnhom ma jemnux fihom.
Dan qed iwassal biex iż-żgħażagħ ifittxu affarijiet oħrajn – minflok ir-reliġjon – li jtuhom skop għall-ħajja, fosthom il-joga u l-meditazzjoni.
Madankollu, jidher li l-pandemija ma kinitx il-kaġun li iżjed nies jitilfu t-twemmin tagħhom f’xi reliġjon, tant li ftit li xejn tefgħu t-tort tal-effetti tal-pandemija fuq xi alla. Anzi, minn dan l-istħarriġ joħroġ li fil-maġġorparti tal-parteċipanti, li kien it-total ta’ 1,102, ħassewhom eqreb ta’ Alla. Madankollu, dan ir-riżultat ma jirriflettix l-istess fost l-etajiet iżgħar.
Il-Professur Nadia Delicata spjegat aktar dwar kif dan l-istudju kapaċi jgħin biex nifhmu aħjar l-assoċjazzjoni bejn in-nies u r-Reliġjon.
U hekk kif il-pandemija waslet f’pajjiżna, it-tranżizzjoni sfurzata għall-midja soċjali affetwat b’mod negattiv aktar lil dawk akbar fl-età milli liż-żgħażagħ.
Meta ġew mistoqsija kif ħassewhom matul il-pandemija, ħafna ħassewhom anzjużi, stressjati u saħansitra eżawriti … iżda fl-istess waqt, ħassewhom grati u mimlijin tama.
Iżda man-negattiv li ġabet magħha din il-pandemija, kien hemm ukoll il-pożittiv, hekk kif fil-maġġoranza – jiġifieri madwar 78% – ħassewhom eqreb tal-qraba tagħhom hekk kif qattgħu iktar ħin imdawrin magħhom.
Dwar dan, il-Professur Paul Galea jispjega kif din il-pandemija verament affetwat lill-Maltin.
U r-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella, spjegalna l-importanza ta’ studju ta’ dan it-tip.
Hu interessanti li wieħed jara kif mill-istħarriġ, persentaġġ pjuttost għoli qablu li tħassru attivitajiet, ċerimonji u l-festi reliġjużi.

