Internazzjonali

Titħabbar il-mewt ta’ Raffaella Carrà

Luttu fid-dinja tal-ispettaklu hekk kif tħabbret il-mewt tal-kantanta, żeffiena u preżentatriċi Taljana Raffaelle Carrà fl-età ta’ 78 sena.

Mwielda fit-18 ta’ Ġunju 1943, f’Bologna, ix-showgirl kienet magħrufa bħala r-reġina tat-televiżjoni Taljana – personalità popolari mhux biss fl-Ewropa iżda anke fl-Amerika Latina u fl-Istati Uniti fejn kienet ukoll mistiedna waqt il-Late Night Show fis-snin 80… dak iż-żmien preżentat minn David Letterman.

Hija kienet ddebuttat fiċ-ċinema fl-età tenera ta’ 9 snin fil-film Tormento del passato fit-52, fejn aktar ‘il quddiem kienet ħadet sehem f’diversi films fosthom ankè fil-film Von Ryan’s Express flimkien ma’ Frank Sinatra.

Mill-1961, Raffaella Carrà kienet ukoll pilastru fuq it-televiżjoni Taljana fuq programmi ta’ varjetà. Hija kienet ukoll l-ewwel personalità li fl-istorja tat-televiżjoni li kixfet iż-żokkra quddiem camera waqt il-programm Canzonissima.

Carrà kienet magħrufa wkoll għal kanzunetta Tuca Tuca tal-1971 kif ukoll għal kanzunetta Tanti Auguri, u A far l’amore comincia tu.

Fost id-diversi programmi televiżivi li kienet tippreżenta ċertament li jispikka l-programm Carramba Che Sorpresa li ppreżentat għal 8 staġuni kif ukoll Fantastico – fejn tibqa’ fil-memorja ta’ bosta is-serata li fiha kien mistieden l-attur Taljan Roberto Benigni.

Dan filwaqt li mill-2013 sal-2016 kienet parti mill-ġurija ta’ The Voice of Italy.