Bħalissa, żewġ persuni jinsabu rikoverati fl-isptar Mater Dei bil-virus tal-Covid.
Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn spjega wkoll li l-biċċa l-kbira tal-każijiet pożittivi li feġġew f’pajjiżna fl-aħħar ġimgħat kienu f’persuni mhux imlaqqma.
Chris Fearne qal li għadd ta’ każijiet li qed ifeġġu huma ta’ persuni deħlin Malta fuq btala u li l-obbligu tagħhom hu biss li jippreżentaw PCR test negattiv.
Fuq bażi lokali, mid-19 ta’ Lulju se terġa tinfetaħ is-sejħa għal min għal xi raġuni għadu ma tlaqqamx sabiex ikun jista’ jitlaqqam. Dan biex porzjon dejjem akbar tal-popolazzjoni tkun protetta kontra l-virus.
Fearne qal ukoll li qed isiru tħejjijiet sabiex fix-xhur tal-Ħarifa jibda jingħata l-booster shot.
Intant Chris Fearne xeħet xaqq ta’ dawl għal aktar attivitajiet, bid-Deputat Prim Ministruy jindika li minbarra li mid-19 ta’ Lulju se jitla’ għal 150 persuna l-massimu ta’ persuni f’attivita u għal massimu ta’ 200 mit-2 t’Awwissu, mis-16 t’Awwissu jekk in-numri jkunu tajbin, jistgħu ikunu permessi events li huma bil-wieqfa ukoll. Madankollu x’inhu l-kejl eżatt li se jintuża biex ikun deċiż dan, il-Ministru tas-Saħħa ma ma qalx x’se jkun.
Tul il-konferenza ġie mniedi ċ-ċertifikat Ewropew diġitali. Dan iċ-ċertifikat jista’ jitniżżel mis-sit ċertifikatvaċċin.gov.mt u huwa meħtieġ biex wieħed ikun jista’ jivvjaġġa lejn pajjiżi Ewropej.
//= $special ?>