Coronavirus Lokali Saħħa

11-il każ ġdid; l-attivi jitilgħu għal 90

Għal jum ieħor, komplew jitilgħu l-kazi attivi f’pajjiżna u issa jammontaw għal 90 hekk kif fl-aħħar 24 siegħa, 11-il persuna rriżultaw pożittiv għall-COVID-19 filwaqt li ħadd ma fieq mill-virus. B’xorti tajba, fl-aħħar sigħat, ħadd ma tilef ħajtu bil-Coronavirus biex b’hekk l-imwiet tal-pandemija jibqgħu 420.

Dawn l-aħħar numri tas-sitwazzjoni f’pajiżna joħorġu minn fost 2,481 swab test li jfisser ukoll li f’pajjiżna issa saru ‘l fuq minn miljun swab test minn kemm ilha li bdiet il-pandemija tal-Coronavirus.

L-istatistika turi li din is-70 ġimgħa tal-COVID-19 f’pajjiżna, għalkemm għadna f’nofsha, diġi hija agħar mit-tmien ġimgħat ta’ qabel hekk kif f’erba’ t’ijiem diġa rajna 41 każ ġdid, ammont li f’ġimgħa waħda, konna ilna ma naraw xahrejn.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa ħabbru li fl-aħħar sigħat, 3,623 persuna żdiedu ma dawk imlaqqma b’mod sħiħ biex b’hekk issa huma aktar minn 340,000 il-persuna li ħadu ż-żewġ dożi jew il-vaċċin tal-Johnson & Johnson. Mid-19 ta’ Lulju, se tinfetaħ sejħa biex min għadu ma tlaqqamx ikun jista’ jagħmel dan billi jżur wieħed mill-postijiet allokati mingħajr il-bżonn ta’ appuntament permezz ta’ sistema ta’ ‘walk-ins’.