Lokali

Kemm iridu jmutu aktar nies biex Robert Abela jifhem kemm hi gravi s-sitwazzjoni fil-ħabs? – PN

Kemm iridu jmutu persuni fil-ħabs tagħna biex Robert Abela jifhem li fil-ħabs hemm kollass totali? Għal darb’oħra il-poplu Malti jinsab maħsud bil-mewt ta’ persuna oħra waqt li kienet qiegħda tinżamm il-ħabs.

Fi stqarrija il-PN permezz ta’ Beppe Fenech Adami l-Kelliem għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza intqal li għal darb’oħra tfajla fl-aħjar ta’ żogħżita mietet, għaliex min huwa responsabbbli biex jindokra l-ħajja tan-nies fil-ħabs tagħna falla u falla bil kbir. Għal darb’oħra għandna persuna li llum tinsab mejta għaliex min huwa responsabbli mill-ħabs naqasha. Għal darb’oħra għandna familja għaddejja minn dulur bil-mewt ta’ binthom, għaliex il-Gvern ta’ Robert Ablea jibqa’ jinsisti li fil-ħabs kollox miexi fuq ir-rubini, m’hemmx problemi. Sitwazzjoni fejn il-qraba ta’ din il-vittma ħasbu li kienet se tkun f’post li jsirilha l-ġid fih imma għarralhom. Is-sistema tal- ħabs illum ma tistax tiġi fdata.

Għal darb’ohra il-poplu jibki t-telfa ta’ żagħżugħa għaliex Robert Abela jirrifjuta li jifhem illi l-mod kif qed jitmexxa l-ħabs qed iwassal għal mewt, waħda wara l-oħra – mingħajr ħadd ma jerfa’ responsabbiltá għal dan.

Il-ħabs huwa skandlu nazzjonali, fejn il-ħajja tan-nies ma tiswa xejn. Il-ħabsin saru sempliċiment numri bla dinjitá fejn saħansitra jitilfu ħajjithom. Il-Partit Nazzjonalista jappella lil Robert Abela sabiex jintervjeni mmedjatament sabiex is-sitwazzjoni tal-biza fil-ħabs tiġi indirizzata. Jekk jibqa’ jonqos huwa jibqa’ jġorr r-responsabbiltá għal dak kollu li qed iseħħ. Kemm iridu jmutu iktar ħabsin biex Robert Abela jifhem il-gravitá tas-sitwazzjoni?

Fiċ-ċirkostanzi u f’din is-sitwazzjoni li mhux aċċettabl, kif kien qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, Partit Nazzjonalista fil-Gvern jara li jkun hemm bidla fit- tmexxija tal-Faċilitá Korettiva ta’ Kordin bit-tneħħija tad-direttur preżenti.

Il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat nieda l-proposti tiegħu għal faċilitá korrettiva ta’ kordin fost oħrajn: li jkun hemm estensjoni strutturali tal-faċilità attwali ta’ Kordin. L-Arrest preventiv għandu jkun l-eċċezzjoni għar-regola u jintuża biss f’każijiet mill-aktar serji. Ikunu pprovduti postijiet aktar adegwati ta’ half-way houses u akkomodazzjoni b’superviżjoni li jkunu maħsuba għall-priġunieri li waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom, anki għal integrazzjoni mill-ġdid aħjar fis-soċjetà. Ikun provdut trattament aktar xieraq lill-vittmi tal-vizzju tad-droga, ’l bogħod mis- CCF, simili għal ‘Prison Inmate Programme’ li tmexxi l-Caritas.

F’dan il-każ jista’ jkun li fl-ewwelnett qatt ma kellha tkun il-ħabs. Allura hemm bżonn riforma ċara anke fil-mod kif nittrattaw users. Ripatrijazzjoni tal-priġunieri barranin lejn pajjiżhom. Indaħħlu fis- seħħ leġiżlazzjoni dwar it-tagging elettroniku li permezz tagħha l- priġunieri jkunu jistgħu jservu s-sentenza tagħhom band’oħra minflok fis-CCF; dan jgħodd ukoll għall-persuni miżmuma b’arrest preventiv. Niftħu unitajiet għall-ulied u l-ġenituri, simili għall-kunċett imħaddem fir-Renju Unit u fl-Italja biex jintlaqgħu l-priġunieri ġenituri, u tingħata attenzjoni lill-ħtiġijiet ta’ ulied dawn il-priġunieri barra mill-faċilità tas-CCF, anki għall-ġid ta’ dawk l- ulied. Inwettqu riforma tas-sistema tal-parole biex aktar priġunieri jitħallew jagħżlu li jagħmlu riabilitazzjoni u riforma. Kif ukoll niżviluppaw il-kunċett ta’ parole abbażi ta’ anzjanitá u saħħa fiżika, maħsuba għall-priġunieri li qed iġarrbu kundizzjonijiet serji.