Internazzjonali

Ajruplan jisparixxi minn fuq ir-radar

Ajruplan tal-passiġġieri li jġorr mill-inqas 28 persuna sparixxa fil-Lvant tar-Russja. L-ajruplan An-26 tilef il-kuntatt mal-kontroll tat-traffiku tal-ajru ftit qabel ma kellu jinżel f’Palana, fit-tramuntana tal-peniżola ta’ Kamchatka wara li kien qed itir miċ-ċentru reġjonali Petropavlovsk.

Ir-rapporti li fihom dehret din l-aħbar qed jgħidu li l-ajruplan iġġarraf fil-baħar. Uffiċjali qalu li mill-inqas 22 passiġġier flimkien ma’ sitt membri tal-ekwipaġġ kienu abbord it-titjira. Rapporti mhux ikkonfermati qed jgħidu li waħda mill-passiġġiera kienet il-Kap tal-Amministrazzjoni lokali f’Palana, Olga Mokhireva.

Uffiċjali tal-emerġenza qalu li l-ajruplan seta’ niżel fil-baħar, iżda aktar kmieni kien hemm suġġerimenti li l-ajruplan seta’ ġġarraf ħdejn minjiera tal-faħam qrib Palana.

Fl-aħħar snin kien hemm diversi inċidenti ta’ dan it-tip fir-Russja. Filfatt f’Mejju tal-2019 superjet bl-isem Aeroflot Sukhoi ġġarraf u ħa n-nar fuq runway f’Moska fejn tilfu ħajjithom 41 persuna. Ftit iktar minn sena qabel, jet tal-linja tal-ajru Saratov niżel ftit minuti wara t-tluq minn Moska fejn il-71 persuna abbord mietu fl-inċident.