Ftit tal-ħin ilu André Grech għadu kemm ġie elett kunsillier ġdid f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-lokalità ta’ Ħal Balzan. Dan hekk kif fid-9 ta’ dalgħodu saret elezzjoni każwali sabiex jintela’ l-post vakat fil-Kunsill Lokali ta’ din il-lokalita. Huwa kien l-uniku kandidat li tefa’ n-nominazzjoni tiegħu.
Ftit tal-jiem ilu s-Sindku ta’ Ħal Balzan Ian Spiteri rriżenja mill-kariga tiegħu għal raġunijiet personali u għalhekk il-Viċi Sindku Nazzjonalista Angelo Micallef inħatar Sindku ġdid ta’ Ħal Balzan.
André Grech qal li l-ħidma tiegħu f’din il-lokalità issa se tkompli tiżdied permezz ta’ din il-kariga ġdid li qed jassumi fejn bla dubju se jkun qed jaħdem fl-aqwa interess tar-residenti Balzanin. Din hija t-tieni esperjenza ta’ André Grech fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan.
Is-Sindku ta’ Ħal Balzan Angelo Micallef feraħ lil André Grech li ġie elett bħala Kunsillier. Huwa qal li m’għandu ebda dubju li André se joffri enerġija pożittiva u kontribut mill-aqwa b’risq Ħal Balzan.
Intant il-Kulleġġ tal-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Charles Bonello flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Karl Gouder jawguraw lil André Grech li dalgħodu ġie elett bħala Kunsillier ġdid
għal-lokalita ta’ Ħal Balzan.
Huma qalu li André Grech għandu esperjenza fil-qasam tal-Kunsilli Lokali peress li serva fl-irwol ta’ Viċi Sindku f’kunsilli preċedenti fl-istess lokalitá. Għalhekk persważi li l-kontribut ta’ Grech se jwassal sabiex il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan b’maġġoranza Nazzjonalista jkompli jaħdem fl-aħjar interess tar-residenti.
Fl-istess ħin huma rringrazzjaw lill-Eks-Sindku Ian Spiteri għall-ħidma impekkabbli tiegħu u għat-tmexxija b’tant diliġenza tul il-perjodu li dam membru fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan u b’mod partikolari fiż-żmien li għamel bħala Sindku tal-Lokalitá.
Fl-aħħar nett, il-KKLPN kif ukoll il-Kelliem tal-Oppozizzjoni għall-Kunsilli Lokali awguraw ħafna suċċess lil Angelo Micallef u M’Louise Briffa li issa huma s-Sindku u l-Viċi Sindku ġodda rispettivament.