Futbol Sport

Debutt memorabbli għal Mosta

(Ritratt: Joseph Galea)

Mosta ……………………….3

Spartak Trnava ………… 2

Mosta: C. Mafoumbi, J. Ekani, T. Farrugia, R. Morisco, C. Failla, I. Doric (R. Romao 56’), G. Sciberras (M. Mifsud 59’), C. Riascos, C. Ememe Evo (W. Donkin 84’), Z. Brincat (D. Debono 56’), J. Nsumoh (D. Bonnici 84’).

Spartak Trnava: D. Takac, M. Mikovic, F. Twardzik, J. Anthony, K. Kostma (M. Curma 82’), J. Gric (A. Ivan 46’), K. Savvidis, M. Bukata (R. Prochazka 46’), B. Yusuf, J. Vlasko, S. De Barros Cabral (P. Kolesar 89’)

Referee: Kristoffer Hagenes (Norveġja)

Mosta kellhom bidu memorabbli fil-kompetizzjonijiet ewropej meta fl-ewwel leg tal-kompetizzjoni ġdida Europa Conference League għelbu lil Spartak Trnava 3-2 f’logħba mill-iktar interessanti u li rat lill-Mostin joħorġu rebbieħa meritatament.

Mosta kienu brillanti fl-ewwel taqsima fejn fi spazju ta’ tnax-il minuta maġika skorjaw tliet darbiet u ddominaw lill-avversarji, li iżda rnexxielhom inaqqsu l-iskor fl-aħħar sekondi tal-ewwel taqsima. Dan il-gowl ta saħħa u spinta lit-tim Slovakk li minkejja li attakka għal ħinijiet twal fit-tieni taqsima skorja biss gowl ieħor għaxar minuti mit-tmiem.

Il-bidu fi sħana tremenda kien wieħed bilanċjat bit-tim Mosti jokkupa sew il-grawnd, tant hu hekk li l-ewwel perikli kienu minn naħa tal-Mostin fejn fl-ewwel minuti Zachary Brincat wasal ftit tard għal kross ta’ Failla, u ftit wara kien freekick tal-istess Failla li stampa mad-difensuri Slovakki.

Fl-20 minuta l-ewwel perilu minn naħa ta’ Spartak bil-ballun jasal għand De Barros Cabral li x-xutt bomba tiegħu kien imblukkat minn Mafoumbi. Tliet minuti wara Mosta fetħu l-iskor meta Ememe rċieva ballun fit-tul u wara kontroll tajjeb għeleb lil Takac b’xutt preċiż fil-baxx li ħabat ma’ sieq il-lasta qabel qabeż il-linja.

Fis-26 minuta Mosta għamluhom tnejn meta Nsumoh daħal tajjeb fil-kaxxa fejn twaqqa’ minn Twardzik għal penalty ċar li minnu Clayton Failla ma żbaljax meta spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka. Il-mument maġiku ta’ Mosta kompla hekk kif Spartak degru f’paniku u fil-35 minuta azzjoni tajba ta’ Doric fuq ix-xellug u kross lejn Nsumoh li minn pożizzjoni ferm angolata rnexxielhu jsib ix-xibka.

Fl-aħħar minuti tat-taqsima Mosta rħew xi ftit l-inizzjattiva f’idejn l-avversarji u fil-45 minuta Spartak daħlu mil-ġdid fil-logħba meta Vlasko fil-kaxxa kien affrontat b’mod skorrett minn Tyrone Farrugia u mill-11-il metru Twardzik skorja b’xutt b’saħħtu.

Fit-tieni taqsima Spartak ħarġu b’mod aggressiv ifittxu t-tieni gowl u Mosta kienu kostretti jiddefendu. Minkejja l-pressjoni inizjali Spartak tista’ tg]id li ma kienux perikolużi u Mosta kkontrollaw mingħajr wisq tbatija.

Ħdax-il minuta mit-tmiem azzjoni perikoluża ta’ Mosta b’Ememe jaqbeż diversi plejers iżda baqa’ jinsisti minflok qassam lejn Michael Mifsud li kien kompletament żmarkat. Mosta ħallsu prezz għoli ta’ dan għaliex minuta wara kien Mikovic li minn pożizzjoni angolata ħalla lil Mafoumbi jħares.

L-aħħar minuti kienu nterminabbli għall-Mostin li ppruvaw iżommu dan ir-riżultat pożittiv u rnexxielhom jagħmlu dan minkejja l-għaxar minuti ta’ ħin miżjud.