Futboler żagħżugħ Niġerjan li diġa lgħab Malta u kien se jingħaqad mal-klabb ta’ Victoria Hotpsurs fil-kampjonat Għawdxi inżamm taħt arrest preventiv wara tressaq il-Qorti fejn l-uffiċjali tal-immigrazzjoni nnutaw li l-permess ta’ residenza tiegħu ġie ffalsifikat meta rritorna minn mawra.
Chibueze Attah ta’ 22 sena, li diġa’ lgħab f’Malta ma’ St. Andrews u San Ġwann ġie arrestat fl-ajruport nhar it-Tnejn hekk kif irritorna fuq titjira minn Munich, wara li uffiċjal tal-immigrazzjoni nduna li d-data ta’ skadenza fuq il-permess ta’ residenza tiegħu ġiet imbagħbsa. Attah kien qed joqgħod il-Greċja u huwa detentur ta’ passaport Grieg.
Dan ġie kkonfermat mit-taqsima forensika tal-Pulizija u Attah ġie arrestat. In-Niġerjan wieġeb mhux ħati tal-akkużi ta’ falsifikazzjoni, pussess ta’ dokumenti falsifikati u li għamel użu minn dokumenti foloz. L-avukati tal-plejer tal-futbol, Lennox Vella u Charlton Falzon Cascun, għamlu talba għal-libertà proviżorja.
Dan ġie oġġezzjonat bil-qawwa kollha mill-Prosekuzzjoni minħabba r-riskju li r-raġel jaħrab. L-akkużat kien ġie Malta speċifikament biex jilgħab il-futbol u ma kellu l-ebda pjan li jitlaq, qal l-avukat Lennox Vella. “Għandu 21 sena. Ma naħsibx li jekk tibgħatuh il-ħabs ikun ta’ benefiċċju għal dan iż-żagħżugħ ta’ l-età tiegħu.
“Huwa preżunt innoċenti u l-libertà hija r-regola mhux l-eċċezzjoni. Huwa se jkun taħt superviżjoni tal-klabb tal-futbol f’kull ħin,” huwa qal. Il-Maġistrat Gabriella Vella ċaħdet il-libertà proviżorja, u qalet li f’dan l-istadju l-Qorti “xejn ma kienet konvinta” mir-rabtiet tal-akkużat ma’ Malta. L-Ispettur Christian Abela mexxa l-prosekuzzjoni.
//= $special ?>