EURO 2020 Sport Stadju Finali

Il-UEFA tistieden lil Christian Eriksen għall-finali tal-Euro 2020

(Ritratt: EPA)

Il-UEFA stiednet lil midifelder Daniż Christian Eriksen u l-paramediċi li għinuh waqt l-aċċident li sofra fl-ewwel partita tad-Danimarka, bħala mistiedna speċjali għall-finali tal-Euro 2020 f’Wembley Stadium. Eriksen kein sofra attakk tal-qalb fil-partita kontra l-Finlandja f’Kopenhagen.

Il-UEFA stiednet ukoll lis-sieħba ta’ Eriksen u s-sitt paramediċi li tawh l-ewwel għajuna u potenzjalment salvawlu ħajtu waqt l-aċċident. Wieħed mill-paramediċi Peter Srsgaard qal li jinsab onorat li rċieva stedina bħala persuna prominenti (VIP) mill-President tal-UEFA Aleksander Ceferin.

Eriksen saritlu c-CPR fil-post biex wara ittieħed l-isptar, fejn xi jiem wara twaħħalu pacemaker li jirregola r-ritmu li bih tkun qed tħabbat qalbu.

Id-Danimarka, b’Eriksen f’moħħhom, rnexxielhom jagħmluha sas-semifinali tal-Euro 2020 fejn għada jiltaqgħu kontra l-Ingilterra f’Wembley Stadium.