Futbol Sport

Illejla fl-azzjoni Hibernians u Mosta fl-ewwel impenji tagħhom fl-Ewropa

Illejla Hibernians u Mosta se jkun fl-azzjoni fil-UEFA Champions League u fil-UEFA Conference League rispettivament. Hibernians jiltaqgħu kontra FC Florin Talinn fil-Lillekula Stadium. Floriana kienu ltaqgħu mal-istess tim fl-istess kompetizzjoni sena ilu, fejn wara draw ta’ mingħajr gowls kien t-tim Malti li ġie eliminat minn din il-kompetizzjoni.

Għall-Hibernians din se tkun il-25 partita tagħhom fiċ-Champions League fejn rebħu ħames partiti, ġew draw erba’ u tilfu ħmistax. Hibernians li se jkunu mingħajr il-goalkeeper tagħhom Matthew Calleja Cremono fejn minfloku intlaħaq ftehim ma’ Sirens biex jissejjaħ il-goalkeeper Jonathan Debono mal-iskwadra fl-Estonja. Min-naħa l-oħra Florin Talinn rebħu l-kampjonat Estonjan l-istaġun li għadda għat-13-il darba fl-istorja tagħhom.

Illejla wkoll Mosta se jiltaqgħu kontra Spartak Trnava fil-UEFA Conference League. Din se tkun l-ewwel partita f’kompetizzjoni Ewropea fl-istorja tal-club Mosti. Mosta temmew fil-5 post tal-Kampjonat BOV Premier, iżda wara li Ħamrun ma tħallewx jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet Ewropej, Mosta kisbu post storiku fil-Conference League.

Il-UEFA ikkonfermat ukoll li numru limitat ta’ partitarji se jkunu qed jitħallew jidħlu fl-istadium għal din il-partita, bi preżentazzjoni ta’ ċertifikat tal-vaċċin u bl-osservanza tal-miżuri marbuta mal-Covid-19.

L-avversarji ta’ Mosta, Spartak Trnava, huma fost l-aktar timijiet ta’ suċċess fis-Slovakkja fejn fil-passat waslu sas-semifinali tal-Tazza Ewropeja u darbtejn sal-kwartifinali. L-istaġun li għadda huma temmew fit-tielet post tas-Super Liga Slovakka b’55 punt.

ILLEJLA

UEFA Champions League : FC Florin Talinn v Hibernians 6.00pm (Lillekula Stadium, Estonja)

UEFA Conference League : Mosta v FC Spartak Trnava 5.45pm (Centenary Stadium)