Lokali Parlament

Ilmenti li l-Gvern mhux jinstalla liftijiet fl-appartamenti

Ivan Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li l-Gvern qed jiffaċċja ilmenti kbar minn residenti minħabba li m’għandux riżorsi biex jinstalla l-liftijiet fl-appartamenti.

Fl-Aġġornament tal-parlament Ivan Bartolo qal li l-Ministru tal-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes mhux jemmen dak li qed jgħidu n-nies dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż. Hu qal li fid-djar soċjali l-Gvern qed jpprova jraqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar u sostna li l-iskemi li hemm issa ilhom hemm iżda bidlulhom biss l-isem.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern qed jiftaħar li installa lift fi blokka appartamenti fir-Rabat meta Gvern Nazzjonalista kien installa numru kbir ta’ lifts madwar il-pajjiż kollu.

Hu sostna li l-pubbliku kkummenta dwar l-installazzjoni tal-lift fir-Rabat fejn intqal li kien hemm residenti ilhom jistennew seba’ snin għal-lift f’Ta’ Xbiex, nuqqasijiet oħra f’Bormla, f’Ħal Għaxaq, fil-Ħamrun, fil-Gżira, fiż-Żejtun, f’San Ġwann, f’Tal-Pietà u f’Ħal Farruġ.

Ivan Bartolo qal li kieku kienu evitati l-iskandli tal-korruzzjoni, kienu jsiru ħafna iktar lifitijiet. Il-Gvern m’għandux flus għaż-żgħir u hu inaċċettabbli l-anzjani jitħallew ġewwa minħabba dawn in-nuqqasjiet.