Sport Waterpolo

Ir-rebħa għal Spanja mhix sorpriża iżda l-prestazzjoni taż-żgħażagħ Maltin tjiebet mal-ħin

Rapport: Stewart Said

SPANJA………….. 14

MALTA……………. 8

(5-1), (3-1), (3-1), (3-5)

Ir-rebħa għall-Ispanjoli qatt ma kienet f’dubju iżda l-bidu ħażin tat-tim Malti għamilha aktar diffiċli fl-ewwel parti tal-konfront. Is-superjorità fil-kwalità kienet evidenti hekk kif Spanja bdiet tippressa għoli u wasslet biex f’mumenti minnhom it-tim Malti sabha diffiċli biex iżomm il-pussess u jersaq lejn il-lasta.

Fil-fatt, l-ewwel man-up tat-tim Malti kien fit-tielet sessjoni. Ir-rekord fil-logħba ma tantx kien tajjeb b’man-up skorjat minn ħamsa u ġew skorjati żewġ minn tliet penalties. L-aktar aspett pożittiv fil-logħba kien li minkejja d-distakk, iż-żgħażagħ Maltin baqgħu jissieltu sal-aħħar biex inaqqsu d-distakk kemm jista’ jkun.

Bidu fqir tat-tim Malti wassal biex Spanja kisbet vantaġġ doppju fl-ewwel minuta. F’din is-sessjoni, Cain Cutajar naqqas id-distakk għal 3-1 filwaqt li l-kowċ Anthony Farrugia tilef lil Jayden Cutajar li tkeċċa b’sostituzzjoni.

Fit-tieni sessjoni, it-tim Malti beda jikkontrolla ftit aħjar minkejja li ftit inkwieta lill-gowlkiper Spanjol. L-avversarji żiedu l-vantaġġ għal 8-2, b’doppjetta ta’ Samuel Garcia Sales u gowl minn man-up ta’ Daniel Diaz Marroquin. Zak Cutajar Licari naqqas id-distakk fl-aħħar attakk tal-Maltin qabel il-mistrieħ.

Bil-kowċ Spanjol jagħmel ftit rotazzjoni fit-tim, it-tielet sessjoni kienet aktar suġġett għal okkażjonijiet ta’ man-up. L-Ispanjoli skorjaw darbtejn minn erba’ okkażjonijiet filwaqt li t-tim Malti skorja penalty minn Cutajar Licari, falla ieħor ta’ Cain Cutajar kif ukoll falla żewġ man-ups.

Iż-żgħażagħ Maltin irnexxielhom jagħmlu l-iskor rispettabbli fl-aħħar sessjoni. Gowls minn Jayden Cassar, Cain Cutajar, doppjetta ta’ Zack Cutajar Licari u penalty lejn it-tmiem ta’ Julian Chircop. Malta tilgħab għada fis-1.30pm kontra Georgia għall-klassifikazzjoni bejn it-13 u s-16-il post.

Spanja: A. Diaz Garcia, B. Gomila Faiges, C. Nunez Perez (1), T. Perrone Garrido (1), A. Feliu Huix (2), D. Ferrando Peiro, S. Granados Moreno (2), J. Fernandez Cuesta (1), S. Garcia Sales (3), D. Diaz Marroquin (3), F. Garcia Cases, M. Rodriguez Estepa (1), D. Acuna Pradas

Malta: D. Galea Mule, L. Dimech, J. Chircop (1), G. Bonavia, J. Cassar (1), D. Bugeja, Z. Cutajar Licari (4), J. Cutajar, E. Schembri, C. Cutajar (2), L. Montebello Brownrigg, E. Mallia, M. Brimmer

Referees: Lazar Andjelic (Serbja), Haldun Toygarli (Turkija)