Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia talbet għal aktar investigazzjoni dwar flejjes li għaddew lejn il-kumpanija 17 Black, li s-sid tagħha huwa Yorgen Fenech – b’rapporti jindikaw li 17 Black kienet qed iservi bħala l-pont, jew il-kumpanija intermedjarja, ma’ network ta’ kumpaniji mill-Ażerbajġan li l-funzjoni tagħhom hi li jxaħħmu lil individwi u kumpaniji minn madwar id-dinja, inkluż uffiċjali għolja f’Malta.
Din it-talba għal investigazzjoni saret wara li n-National Crime Agency, l-NCA tar-Renju Unit fetħet proċeduri kontra Izzat Javadova, il-kuġina tal-mexxej tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev.
Minn dak li ħareġ sa issa, spikka l-isem tal-kumpanija Ago, minn Hong Kong li mill-2015 ‘il quddiem kienet proprjetà ta’ Azeri Rufat Baratzada, persuna involuta fis-settur tal-kostruzzjoni f’Baku.
Id-dettalji ta’ Baratzada u l-kumpanija Ago kienu identiċi għall-kumpanija tal-Mayor Trans. Ltd, shell company fis-Seychelles, li bgħatet €1.4 miljun lill-bank ABLV fil-Latvja, li mbagħad marru fil-kont ta’ 17 Black, fin-Noor Bank ta’ Dubaj. Kont li kien ta’ Yorgen Fenech.
Fi kliem sempliċi, kważi miljun ewro u nofs allegatament għaddew minn diversi kumpaniji u kontijiet, sakemm waslu għandu Fenech.
Fil-fatt, il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia insistiet li l-ħlasijiet ta’ €1.4 miljun ewro lil 17 Black oriġinaw Ażerbajġan. Skont il-Panama Papers, 17 Black kellha tkun wieħed miż-żewġ sorsi ta’ dħul ta’ flus għall-kumpaniji Hearnville u Tillgate, li ġew stabbiliti minn Nexia BT għall-eks Ministru tal-Enerġija u Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi u għall-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri.
//= $special ?>