Il-Prim Ministru Brittaniku Boris Johnson it-Tnejn filgħaxija ħabbar l-aħħar pjan tiegħu għal tnaqqis fil-miżuri tal-Covid-19, inkluż it-tneħħija tal-maskri u kif ukoll miżuri ġodda tad-distanza soċjali.
Il-pjan inizjali kien li jkun hemm ftuħ ta’ kollox fil-21 ta’ Ġunju, iżda minħabba l-varjant Indjan, kellu kollox jimxi aktar lura. Madankollu jekk kollox jimxi sew fid-19 ta’ Lulju mhux se jibqa’ jkun hemm restrizzjonijiet fuq kemm jista’ jkun kbir il-grupp ta’ nies li jiltaqgħu flimkien. Id-diskoteki se jkunu qed jiftħu, l-ebda restrizzjonijiet għall-isports u anki għall-kunċerti u wieħed jista’ ma jilbisx il-maskra meta jidħol f’ħanut jew juża it-tranport pubbliku.
Fil-messaġġ tiegħu Johnson qal li l-Brittaniċi issa jridu jitgħallmu jgħixu mal-virus. Huwa qal li jekk jibqa’ jkun hemm dewmien fil-ftuħ ta’ dawn il-miżuri, mela l-pajjiż ikun qed jirriskja li jkun hemm ftuħ f’mumenti aktar diffiċli, jew il-ftuħ ikun pospost għas-sena d-dieħla.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju tas-Saħħa Sajid Javid qal li l-pajjiż jinsab f’mument tajjeb hekk kif hemm ammont ta’ ċittadini li ħadu l-vaċin. Bħalissa madwar 86% tal-Brittaniċi li ħadu tal-anqas l-ewwel doża tal-vaċċin, filwaqt li 63% li ħadu t-tieni tilqima.
Intant mill-aħħar żviluppi, Sajid Javid qal li dawk il-persuni li jkunu ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin, mhux se jkollhom il-ħtieġa li jagħmlu iżolazzjoni jekk ikunu għamlu kuntatt ma’ persuna pożittiva bil-Covid…. din id-deċizzjoni se tidħol fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu li ġej.
Huwa tenna li din id-deċizzjoni se tkun qed taffetwa wkoll lil dawk li għandhom anqas minn 18-il sena.
Dawk il-persuni li ma jkunux irċievu l-vaċċin tal-Covid… bil-liġi se jkunu jridu jagħmlu l-iżolazzjoni għal 10 t’ijiem.
//= $special ?>