Ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela tilef okkażjoni tad-deheb li jibgħat messaġġ ċar lill-poplu Malti u Għawdxi billi jitlob ir-riżenja ta’ Rosianne Cutajar minn Membru Parlamentari jew ikeċċiha mill-Grupp Parlamentari Laburista. L-aġir ta’ Robert Abela qed jitfa’ dawl ikrah fuq ir-reputazzjoni ta’ pajiżna. Dan hekk kif il-każ ta’ Rosianne Cutajar jiżdied ma sensiela ta’ każijiet li minħabba fihom pajjiżna spiċċa grey listed.
Kien dan il-messaġġ li għadda l-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mid-Deputati Therese Comodini Cachia u Karol Aquilina.
Therese Comodini Cachia saħqet li Robert Abela ma huwiex onest mal-poplu. Minkejja li jgħid li jrid jagħmel dak kollu possibbli sabiex pajjiżna joħroġ minn fuq il-lista l-griża, huwa jibqa jieħu deċiżjonijiet li jkomplu jnaffru r-reputazzjoni ta’ Malta. Id-deciżjoni ta’ Robert Abela li jżomm lil Rosianne Cutajar bħala membru tal-gvern fil-grupp parlamentari tiegħu tfisser biss li huwa jaf li ma għandux saħħa biżżejjed sabiex jordna li hija titkeċċa minn dak il-grupp parlamentari. Tfisser ukoll li Robert Abela m’huwiex sod biżżejjed biex jagħżel il-ġid tal-pajjiż u qiegħed jibqa’ jagħmel deċiżjonijiet bħal dawk li għamel Muscat u li gabu lil dan il-pajjiz fuq il-lista l-griża.

Min-naħa tiegħu Karol Aquilina fakkar li meta Robert Abela ġie elett Mexxej tal-Partit Laburista huwa wiegħed kontinwità. Bid-deċiżjoni tiegħu dwar Rosianne Cutajar, Robert Abela qed jikkonferma li qed jimxi eżatt bħal ma mexa ta’ qablu, Joseph Muscat, fil-każ ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Joseph Muscat kien irrifjuta li jwarrab lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi u baqa’ jiddefendihom u saħansitra wara l-aħħar elezzjoni ġenerali reġa’ ħatar lil Keith Schembri bħala ċ-Chief of Staff tiegħu u lil Konrad Mizzi bħala Ministru. Issa Robert Abela qiegħed iħalli lil Rosianne Cutajar bħala Membru Parlamentari fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista u ser iħalliha tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss f’isem il-Partit Laburista biex wara jagħmilha Ministru.

Dan il-każ li jinvolvi lid-Deputata Laburista Rosianne Cutajar jiżdied mal-lista twila ta’ każijiet ta’ abbużi ta’ poter, korruzzjoni u ħasil ta’ flus. Quddiem dan kollu Robert Abela jibqa’ ma jieħux azzjoni konkreta biex każijiet bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.
Nhar it-Tnejn li ġej ser jerġa’ jiltaqa l-Kumitat dwar Standards fil-Ħajja Pubblika biex jisma’ lill-Kummissarju George Hyzler jispjega r-rapport tiegħu. Imbagħad il-Kumitat ser jiddeċiedi jekk jaċċettax ir-rapport. Ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista għalhekk jistennew li nhar it-Tnejn il-Membri Parlamentari tal-Partit Laburista bħal dawk tal-Partit Nazzjonalista japprovaw dan ir-rapport u bħalna jeżiġu li Rosianne Cutajar terfa’ r-responsabbilità politika u tirriżenja mill-Parlament.