Lokali

Refalo u Borg skomdi jwieġbu dwar Rosianne Cutajar

Skomdi bil-mistoqsijiet tagħna; skomdi bid-domandi dwar il-kollega tagħhom Rosianne Cutajar.

Dan kien evidenti mit-tweġibiet li tawna kemm il-Ministru Anton Refalo u anke l-Ministru Ian Borg hekk kif saqsejnihom jekk humiex komdi jaħdmu ma’ Rosianne Cutajar wara li nstabet ħatja ta’ ksur ta’ etika, bil-mod kif daħħlet ammont kbir ta’ flus minn senserija fuq propjetà fl-Imdina illi ried jixtri Yorgen Fenech.

“Il-Gvern qed iġorr ir-responsabbiltà politika, għandna Prim Ministru li ma jibżax mill-isfidi…”

Kien f’dan il-punt li l-ħaddiema tal-Ministru Refalo pruvaw iwaqqfuna milli nkomplu nsaqsu.

“Jien irrisondejtek…. aħna nġorru r-responsabbità poltika tagħna”.

“X’iżjed? Irrispondiek diġà”.

L-istess reazzjoni spikkat mit-tweġibiet tal-Ministru Ian Borg…. illi stqarr li d-deċizzjoni tinsab f’idejn Rosianne Cutajar.

“Is-siġġu Parlamentari, ma jidderminahx il-Partit jew il-PM, imam tiddeċiedi l-persuna konċernata”

U meta insistejna qalilna li t-tweġiba tiegħu kienet ċara.

“Jiena tajtek spjega, meta tmur lura fl-uffiċċju jew fl-istudio erġa’ isma l-kumment”

Ian Borg ma kienx kapaċi jwieġeb dwar l-investigazzjoni li qed taffaċja l-kollega tiegħu li tpoġġi spalla ma’ spalla miegħu fil-Grupp Parlamentari.

“Jien ma nafx li qed jinvestigaw id-Dipartiment tat-Taxxi… dak qed tgħidu int jew ir-rapport li ma kellix ċans naqra”

Minkejja din l-investigazzjoni li issa ilha għaddejja x-xhur… Cutajar xorta għażlet li żżomm postha fil-Grupp Parlamentari Laburista – u Robert Abela jinsab komdu b’dan kollu, għaliex ma keċċihiex u l-unika deċizzjoni li ħa dwarha, kien li ma jiddeċidix.