Uffiċjalment taħt investigazzjoni – id-deputat Laburista Rosianne Cutajar qed tkun investigata mid-Dipartiment tat-Taxxa – kwistjoni li issa ilha għaddejja xhur sħaħ, u minkejja dan… xorta qed tibqa’ żżomm postha fil-Grupp Parlamentari Laburista.
Skont rapport fit-Times, tat-Taxxa qed janalizzaw id-dikjarazzjonijiet illi għamlet fl-aħħar snin, id-dħul li kellha, kif ukoll l-infieq.
Din l-invetigazzjoni mid-Dipartiment tat-Taxxa tinkludi wkoll lill-ħabib ta’ Cutajar Charles Farrugia, magħruf bħala Charles it-Tikka. Farrugia serva bħala sensar, u allegatament ħa l-commission tiegħu fi flus kontanti.
Rosianne Cutajar kienet irċeviet aktar minn €46,000 għas-senserija ta’ palazz fl-Imdina li jiswa mat-€3 miljun, biex dan jinxtara minn Yorgen Fenech. In-negozjati kienu waqfu ħesrem meta Fenech ġie arrestat fl-2019. L-investigazzjoni tad-Dipartiment tat-Taxxa qed tiffoka propju fuq dawn is-46,000 ewro illi ħadet id-deputat Laburista.
Jirriżulta li din l-investigazzjoni ilha għaddejja minn Frar. U minkejja li qed tkun investigata fuq dħul ta’ eluf ta’ ewro, Cutajar xorta qed tagħżel li żżomm postha fil-Grupp Parlamentari Laburista – u l-Prim Ministru jidher li huwa komdu b’dan kollu, għaliex ma keċċijiex.
Il-Ħadd li għadda f’post fuq il-media soċjali Rosianne Cutajar kitbet messagg b’attakk qawwi: “Kellhom skop ċar li lili jkissruni. Iżda mhux ser jirnexxielhom”… bid-deputat Laburista tirritalja b’saħħa kontra l-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika. U tgħid li se tibqa’ fil-Parlament u żżomm is-siġġu f’isem il-Partit Laburista.