In-negliġenza tal-awtoritajiet tal-ħabs wasslet għal mewta oħra li setgħet ġiet evitata, qalu l-Moviment Graffitti. Il-grupp kien qed jirreaġixxi għal rapporti li mietet mara, minkejja li l-awtoritajiet tal-ħabs kienu jafu bir-riskju li setgħet tikkommetti suwiċidju. Moviment Graffitti qalu li minħabba t-track record terribbli li għandu l-ħabs fir-rigward tal-ħarsien ta’ ħajjet il-priġunier, l-istqarrijiet minn din l-istituzzjoni dwar dak li ġara f’dan il-każ xejn ma huma kredibbli.
Fl-istqarrija tagħhom, Moviment Graffitti qalu li skont Peppi Azzopardi, li se jkun qed jitkellem waqt attività online li se ssir għada dwar ir-riforma tal-ħabs, persuni li jispiċċaw il-ħabs minħabba l-użu tad-drogi huma sfurzati li jieqfu jieħdu d-drogi mingħajr ma jingħataw xi forma ta’ għajnuna. Dawn jiġu maqfula f’ċelel mingħajr ebda sfog, għal 23 siegħa sħaħ. “Dan ifisser li s-sistema tal-ħabs qiegħda tittortura lil dawk li l-iktar għandhom bżonn l-għajnuna.” qalu Moviment Graffitti. Id-diżastru li hemm il-ħabs bħalissa ma jistax jibqa’ jiġi injorat, żiedu jgħidu din l-għaqda.
Huma komplew jgħidu li huwa ċar li d-direttur tal-ħabs Alexander Dalli ma jimpurtahx mill-benesseri ta’ dawk li jaqgħu taħt il-ħarsien tiegħu. “Agħar minn hekk, dan qiegħed jiżra kultura ta’ negliġenza, fejn dawk li huma fir-riskju li jneħħu ħajjithom b’idejhom qegħdin jiġu injorati.” Il-Moviment Graffitti insistew li l-ħabs għandu jkun post ta’ rijabilitazzjoni, mhux tat-tortura. Huma qalu li madankollu, jidher ċar li Dalli m’għandux interess li jissalvagwardja l-benesseri tal-ħabsin. “Dan wassal għal imwiet bla bżonn u prattiki li jabbużaw lill-ħabsin psikoloġikament.”
Malta għandha l-ogħla rata ta’ suwiċidju fl-Ewropa u diversi mwiet fil-ħabs qatt ma ġew spjegati. Moviment Graffitti qalu li dan ifisser li l-kriżi fis-sistema tal-ħabs mhix qed tiġi trattata b’urġenza mill-awtoritajiet responsabbli. “Fil-fatt, din il-mewta bla sens tidher li se tiġi trattata bħal kull suwiċidju li jseħħ fil-ħabs ta’ pajjiżna”, komplew jgħidu Moviment Graffitti li fakkru kif qed issir inkjesta li ma tiġix ippubblikata, fejn il-poplu Malti jibqa’ ma jafx il-fatti li wasslu għall-mewt ta’ persuna fis-sistema tal-ħabs tagħna. Moviment Graffitti qalu li “filwaqt li taf tkun konvenjenti għal Dalli u għall-Ministeru tal-Intern li jinħbew il-fatti, il-familja tal-vittma u l-pubbliku ħaqqhom ikunu jafu l-verità. Jekk dan ma jsirx, se jkun hemm iktar imwiet.”
//= $special ?>