In-nirien fatali f’Arakapas f’Ċipru qed ikunu meqjusa bħala traġedja terribbli hekk kif erba’ persuni tilfu ħajjithom, għexieren ta’ djar sfaw maħruqa f’għaxar komunitajiet differenti u 55 kilometru kwadru ta’ art spiċċat meqruda. Dawn kienu l-agħar nirien sa minn dak ta’ Solea fl-2016, li fih kienu mietu żewġ pumpiera waqt battalja ta’ ħamest ijiem li fiha inqerdu aktar minn 18-il kilometru kwadru ta’ art.
Arakapas, viċin il-muntanji Trodos, huwa l-agħar nierien li qatt ġie rreġistrat f’Ċipru wara li fis-sena 2000 f’Vavla inħarqu 52 kilometru kwadru. Sentejn qabel inqerdet 40 kilometru kwadru ta’ art f’Pano Pyrgos.
Diversi persuni f’Ċipru qed jimmiraw il-ħtija ta’ dan lejn it-tmexxija tal-pajjiż li skont huma setgħet kienet iktar ippreparata għaliex il-passat kellu jkun ta’ turija ċara ta’ x’setgħu joħolqu inċidenti bħal dawn. Fl-ewwel reazzjoni tiegħu il-President Nicos Anastasiades saħaq li l-forzi tas-salvataġġ setgħu bdew bil-ħidma tagħhom qabel filfatt bdew. Numru ta’ residenti fiż-żoni milquta ilmentaw dwar nuqqas ta’ koordinazzjoni u dewmien fir-rispons.
F’dan il-każ il-pumpieri kellhom jiġġieldu mhux biss kontra n-nirien iżda wkoll kontra riħ qawwi li wassal biex totalment intilef il-kontroll meta filfatt esperti qalu li l-fjammi infirxu fuq tmien kilometri f’madwar ħames sigħat. Il-persuni li spiċċaw tilfu ħajjithom kienu ħaddiema ta’ nazzjonalità Eġizzjana u kellhom bejn 24 u 35 sena.
Intant, fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet arrestaw raġel ta’ 67 sena fuq suspett li kien hu li beda n-nar.
//= $special ?>