Internazzjonali

Il-meteoroloġisti tad-dinja mħassbin dwar it-temperaturi tas-sħana rekord

 

L-esperti tal-klima u l-meteoroloġisti madwar id-dinja huma inkwetati dwar ‘is-sinifikat’ tat-temperaturi tas-sħana rekord li qed ifeġġu minn żmien għal żmien u li għalihom qed jindikaw eskalazzjoni allarmanti fit-temp ‘estrem’. Dan intant spikka b’mod partikulari fix-xejriet tat-temp li karatterizzaw ix-xahar ta’ Ġunju.

Dawn l-esperti – fosthom il-Professur Peter Stott tal-Uffiċċju Meteoroloġiku tar-Renju Unit – qalu li n-nies iridu jidraw sitwazzjonijiet fejn ikunu reġistrati kontinwament it-temperaturi ta’ sħana rekord ‘xi mkien differenti fid-dinja’.

Stott, intant, jispjega li hu u l-meteoroloġisti oħra mhumiex daqstant ixxukkjati li d-dinja tallum għaddejja minn aktar ‘heatwaves’ minn qatt qabel. Iżda l-aktar ħaġa li tissoprendihom hi li rekords tas-sħana ġodda u frekwenti qegħdin jiksru r-rekords ta’ qabilhom b’marġni kbira…..Xejra li qegħdin naraw minn sajf għal ieħor u anki minn xahar għal xahar….

L-Earth Observation Programme tal-Unjoni Ewropea, sadanittant, qalet li x-xahar ta’ Ġunju kien l-aktar wieħed sħun fl-istorja għall-Amerika ta’ Fuq – b’diversi partijiet tal-Istati Uniti u l-Kanada jirreġistraw temperaturi għolja ‘fenonemali’ fl-aħħar ġimgħat.

Fil-fatt, numru ta’ pajjiżi fil-Kanada u r-reġjun tan-North-West fl-Istati Uniti rreġistaw temperaturi rekord ta’ sħana li kienu ta’ 5 gradi Celsius aktar minn tar-rekords li  ntlaħqu qabel.

Sadanittant, ir-Renju Unit għadda ‘mit-tieni l-aktar Ġunju sħun’ fl-istorja minn fost il-pajjiżi tal-Ewropa. It-temperaturi tax-xahar li għadda fir-Renju Unit kienu anki ‘ir-raba’ l-aktar perjodu sħun ( għal Ġunju) li qatt kien irreġistrat madwar id-dinja.’

Il-kalkuli inizjali tal-esperti jissuġġerixxu li ‘iċ-ċansijiet huma ferm improbabbli’ li t-temperaturi rreġistrati fil-Kanada setgħu seħħew mingħajr l-impatt tal-bidliet fil-klima li rajnihom jiżviluppaw fl-aħħar snin, permezz tal-fenonemu tal-global warming.

U l-Professur Friederike Otto, tal-Environmental Change Institute tal-Università ta’ Oxford, sostniet li ‘wieħed għandu jistenna’  li l-bidliet li qegħdin naraw fil-klima jwasslu mhux biss għal eskalazzjoni rapida fit-temperaturi rapidi, iżda anki eskalazzjoni fil-livelli rekord tat-temperaturi estremi.

Otto kompliet li d-dinja, f’kull għaxar snin, żiedet ir-rata tal-emissjonijiet tal-gassijiet greenhouse u li sitwazzjoni bħal din bilfors li żżid ir-rata tal-global warming – b’dan kollu jfisser li r-rekords tas-sħana qegħdin jinkisru aktar malajr minn qatt qabel. Fl-istess ħin, il-Professur Otto temmen li s-sogru dovut għan-numru impressjonanti ta’ ‘heatwaves’ li qegħdin jolqtu lid-dinja bħalissa mhux qed jittieħed bis-serjetà li jistħoqqlu.