Lokali

Il-PM jibqa’ jiddefendi lil Rosianne Cutajar

Jinsisti li jżommha fil-Grupp Parlamentari tal-Gvern

Il-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ ma jieħux deċiżjoni fl-aqwa interess tal-pajjiż,  imbagħad ma jweġibx għalfejn qed jimxi fil-passi tal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat.

Fl-ewwel okkażżjoni li fiha kien iffaċċjat bil-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li naqas li mqar jissospendi lil Rosianne Cutajar mill-Grupp Parlamentari Laburista, Abela ma kienx kapaċi jwieġeb dwar l-aġir tiegħu stess. Filfatt, waqt konfrenza tal-aħbarijiet, kienu diversi l-ġurnalisti li staqsew lill-Prim Ministru għaliex ħass li kellu jżomm lid-Deputat Cutajar fil-grupp tiegħu, minkejja li instabet hatja mill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika

Madankollu l-Prim Ministru ma weġibx, minkejja li kien mistoqsji l-istess mistoqsija minn diversi ġurnalisti.

In-Nazzjon ukoll insista għal tweġiba u staqsa lil Robert Abela dwar kif l-azzjoni – jew nuqqas ta’ azzjoni tiegħu – kienet se tgħin lil pajjiżna jinqala’ mill-lista l-griża tal-FATF.

Iżda anke din id-darba, Abela kien skomdu, u lagħab bil-kliem biex reġa’,  għaldarboħra, ma weġibx.

Filfatt l-argument ta’ Abela kien li hu, wara r-rapport ta’ Hyzler, kien informa lil Cutajar li ma kinitx se tieħu lura s-Segretarjat tagħha għalissa. Madankollu fl-ebda ħin ma spjega għalfejn ħass li fid-dawl ta’ dan kollu huwa żamm lil Cutajar fil-Grupp Parlamentari.

Sorprendenti wkoll l-argument tal-Prim Ministru, li għalih in-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu fil-konfront ta’ Cutajar wara li l-Kummissarju għall-Istandards sab li kienet kisret l-etika meta ma ddikkjaratx dħul ta’ eluf ta’ ewro, mhux se jkollu impatt fuq id-deċiżjoni tal-FATF dwar jekk Malta għandhiex tintheħħa mill-Greylist.

Abela sostna li ż-żamma ta’ Rosianne Cutajar mhux se teffettwa d-deċiżjoni tal-FATF għax huma żewġ affarijiet li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin.

Abela qed jibqa’ joħroġ għonqu għal Rosianne Cutajar, bl-istess mod li bih Joseph Muscat baqa’ sal-aħħar joħroġ għonqu għal Konrad Mizzi, fost l-oħrajn.

Sadanittant issa, għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Robert Abela qed jiddarras għall-użu tal-kelma ‘tqaċċat’ fil-konfront ta’ Cutajar.

Robert Abela lanqas ma wieġeb jekk id-deċiżjoni li  jżomm lid-Deputat Rosainne Cutajar fil-Grupp tal-Gvern kienx ħadha waħdu, jew kinitx diskussa ma’ sħabu l-oħra.

Il-Prim Ministru bħalissa għandu fuq ħoġru mhux biss din il-kwestjoni ta’ Rosianne Cutajar,li allegatament ħadet €46,500 u €9,000 oħra fi flus li ma ddikkjaratx. Għandu wkoll uġigħ ta’ ras oħra bil-każ ta’ Ministru sedenti, il-Ministru Carmelo Abela, li dwaru hemm allegazzjonijiet serji ta’ involviment f’serqa u attentat ta’ qtil – Deputat ieħor li l-Prim Ministru wkoll żamm ma’ djulu.

Għandu lil Deputat li jidher li kien jaf b’dak li allegatament kienet qed tagħmel Rosianne Cutajar, Ian Castaldi Paris, li Cutajar  spiċċat tgħajjar mejjet bil-ġuħ għax iffirma affidavit li kixfilha għawwarha, u għandu Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Edward Scicluna, li wkoll jinsab suġġett ta’ inkjesta.