Sport Waterpolo

Iż-żgħażagħ Maltin jiksbu r-rebħa fil-Kampjonat Ewropew li ilhom jaħdmu għaliha

Rapport: Stewart Said

MALTA……………. 21

GEORGIA…………. 8

(4-3), (4-1), (6-1), (7-3)

Dak li ż-żgħażagħ ilhom jaħdmu għalih kisbuh. Irnexxielhom jiksbu l-ewwel rebħa fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew u assiguraw posthom mal-aqwa 14 tal-Ewropa. It-tim Malti qam għall-okkażjoni u kontra tim ta’ livell anqas minn dawk ta’ Grupp B mar fil-vantaġġ kmieni biex seta’ jikkontrolla kif xtaq. Persentaġġ tajjeb ukoll mill-man-ups bi tmien gowls skorjati minn 15-il okkażjoni flimkien ma’ żewġ gowls minn penalty.

It-tim immexxi minn Anthony Farrugia kien preċiż mill-ewwel suffara. Tliet man-ups u tliet gowls minn doppjetta ta’ Jayden Cutajar u Elijah Schembri għal vantaġġ ta’ 3-0. Reazzjoni mill-Georgia li fl-aħħar żewġ minuti u nofs naqqsu d-distakk għal 4-3.

Tripletta ta’ Jayden Cutajar, tnejn minnhom minn penalties taw vantaġġ ta’ erba’ gowls u wara li Luka Mtchedlishvili naqqas id-distakk, Schembri daħħal lit-tim Malti jistrieħ 8-4.

Dan il-vantaġġ kien importanti għat-tielet sessjoni għaliex sa nofs is-sessjoni, it-tim Malti prattikament aċċerta ruħu mir-rebħa. Jayden Cassar u Zak Cutajar Licari minn man-ups kabbru l-vantaġġ għal 10-5 u fl-aħħar tliet minuti tas-sessjoni waslu aktar gowls minn Luigi Dimech, Lee Montebello Brownrigg, Zak Cutajar Licari u Jayden Cassar għal riżultat ta’ 14-5.

Fl-aħħar sessjoni spazju wkoll għall-gowlkiper Myron Brimmer, bil-plejers Maltin jixxalaw. L-aktar wieħed minnhom kien Jayden Cutajar b’erba’ gowls oħra. L-avversarji li jmiss tat-tim Malti huma l-Franċiżi l-Ġimgħa, tim li anqas minn xahrejn ilu kienu parti mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni li sar f’pajjiżna. Dakinhar il-logħba ntemmet 10-10.

Malta: D. Galea Mule, L. Dimech (1), I. Azzopardi, G. Bonavia (1), J. Cassar (3), D. Bugeja (1), Z. Cutajar Licari (2), J. Cutajar (8), E. Schembri (3), C. Cutajar (1), L. Montebello Brownrigg (1), E. Mallia, M. Brimmer

Georgia: G. Kakhiani, O. Chketiani, T. Charkhalashvili, D. Tsereteli, G. Veshaguri (1), L. Khutsianidze, A. Salukvadze, N. Kurashvili (1), A. Chkheidze (2), V. Bazerashvili, L. Mtchedlishvili (4), S. Gujaraidze, D. Matchavariani

Referees: Bozo Duraskovic (Montenegro), Lukasz Krol (Polonja)