Lokali

“Konna close jien u Yorgen… id-€9,000 kienu birthday present”

Lil Castaldi Paris għajjritu 'mejjet bil-ġuħ' fuq l-affidavit li kixifha li allegatament ħadet is-senserija

Mijiet ta’ paġni jsawwru r-rapport eżawstiv tal-Kummissarju George Hyzler dwar is-senserija li allegatament ħadet id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar fuq bejgħ ta’ dar lill-ħabib tagħha Yorgen Fenech.

Mir-rapport ta’ mijiet ta’ paġni li jiddokumenta dak kollu li ġabar il-Kummissarju Hyzler joħorġu għadd ta’ fatti interessanti.

Fix-xhieda tagħha, id-Deputat u eks Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar sostniet għal darba darbtejn li hi ma kinitx involuta fil-bejgħ. Madankollu fl-istess waqt tindika li kienet hi l-ħolqa li għaqqdet lill-bejjiegħ Joe Camilliri max-xerrej, il-ħabib intimu ta’ Cutajar , Yorgen Fenech.

“Mhux jiena kont is-sensara”, issostni Cutajar,  “ jew aħjar il-persuna li qegħda tgħaqqad dan in-negożju bejn Yorgen Fenech u Joe Camilleri”.

Erba’ linji l-isfel fir-rapport imbagħad tgħid hekk “ma rridx infisser li jiena lil Yorgen Fenech ma kellimtu qatt fuq din id-dar… ilgħaliex eqq bħalma taf… in-nies jitkellmu bejniethom”. 

Aktar tard waqt ix-xhieda, Rosianne Cutajar  tipprova tiġġustifika għalfejn spiċċat preżenti meta Fenech mar jara l-propjetà fl-Imdina.

“Tal-Imdina… jiena kont mort… aktar milli xejn b’kumbina… mhux … iktar kurżita…. kont qegħda ma’ Charlie l-Belt” b’referenza għall-ħabib tagħha u konsulent fis-Segretarjat tagħha Carmel Farrugia magħruf bħala t-Tikka. “ Qalli ‘illum ħa mmur nara d-dar tal-Imdina ma’ Yorgen u Joe’ qalli ‘ejja miegħi… xejn xejn taraha’ u mort jiġifieri out of curiousity”.

Filwaqt li ppruvat tiġġustifika ċ-chats ma’ Yorgen Fenech fejn dan tal-aħħar kellimha dwar €40,000 li kien għaddielha, Cutajar tgħid lil Hyzler li ċ-chats kienu qed jintużaw ‘b’mod qarrieqi u selettiv’.

Rosianne Cutajar tgħid li hi ma setgħet qatt taċċetta senserija mingħand Yorgen Fenech.

“Yorgen kien ħabib tiegħi… għal diversi snin… kien hemm snin minn dawn fejn konna… close ta’ xulxin…. m’għandix għalfejn nidħol fid-dettall”

Imbagħad biex bħal tikkonferma  kemm kienu close hi u l-imprenditur mixli bl-involviment ta’ Daphne Caruana Galizia, Cutajar tgħid hekk:

“Dak l-ammont ta’ flus tad-€9,000 ma kienux senserija… imma kienu birthday present”.

Il-Kummissarju Hyzler staqsa lil Cutajar dwar l-affidavit iffirmat mill-kollega tagħha, id-Deputat Ian Castaldi Paris. Dan l-affidavit isostni li Cutajar ħadet eluf ta’ewro f’senserija fuq id-deal tal-bejgħ tal-propjetà fl-Imdina.

Rosianne Cutajar wieġbet hekk:  “Jiena meta rajt ismu fil-gazzetti bgħattlu…. kont irrabjata ħafna… konversazzjoni ma tanx kienet….” bid-Deputat tieqaf hemm.

Għall-mistoqsija dwar x’kienet ir-reazzjoni ta’ Castaldi Paris għal dan, Rosianne dehret taqra ċ-chat li kellha dakinhar mad-deputat seħiba.

“Int bis-serjeta?” staqsiet. “Trid tkun mejjet bil-ġuħ biex taċċetta li tagħmel affidavit falz kontra kollega tiegħek…. “ imbagħad kompliet “kulħadd qed jgħid bik dalgħodu”.

Fis-sottomissjonijiet tagħhom, l-avukati ta’ Cutajar sejħu dak kollu li ntqal mill-bejjiegħ tal-propjetà Joe Camilleri bħala tentattiv ta’ entrapment. Madankollu fil-konklużjoni tiegħu, George Hyzler xejjen din it-teorija.