Sport Sport Ieħor

L-Awtorità tas-Saħħa ma taċċettax li tiġi organizzata r-regatta U18 għax “toħloq il-folol”

(Ritratt: TCM Photography)

Hekk kif donnu bdew jingħataw il-permessi biex jibdew isiru attivitajiet organizzati f’numri żgħar ta’ udjenza, tfeġġ daqqa ta’ ħarta oħra għall-isport tar-Regatta, f’attività li kienet ippjanata li tkun organizzata fil-Bajja tar-Rinella.

Dan hekk kif wara li l-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor applikat biex torganizza r-regatta ta’ taħt it-18-il sena, l-applikazzjoni ġiet miċħuda mill-Awtorità tas-Saħħa. Ir-raġuni prinċipali għaliex l-applikazzjoni ġiet miċħuda hi minħabba li skont huma din l-attività kienet se toħloq il-folol.

L-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor għamlu dawn ir-rikjesti mal-applikazzjoni; il-Bajja tar-Rinella tkun magħluqa għall-pubbliku ġenerali, l-atleti u d-delegati biss ikunu preżenti, massimu ta’ 50 uffiċjal u 50 atleta jkunu preżenti, il-klabbs ikunu separati minn xulxin b’distanza soċjali u jitħarsu l-miżuri kollha tas-sigurtà.

L-isport tar-Regatta diġà għandu l-problemi tiegħu hekk kif dawk midħla huma mħassba dwar il-futur immedjat tal-isport. Din ir-regatta ta’ taħt it-18-il sena tkun meqjusa bħala pass importanti biex tattira liż-żgħażagħ u issa jidher li għat-tieni sena konsekuttiva, din ir-regatta se ssir.

Is-sena 2021 żgur li mhix sena pożittiva għal dan l-isport. Fl-aħħar xhur huma diġà kellhom it-talba għal Regatta fil-31 ta’ Marzu miċħuda, u wara li l-attività kienet posposta, kien hemm tentattiv għal dati oħra li wkoll ma ġewx aċċettati.