Lokali Parlament

M’għandhomx isiru abbużi maż-żgħir biex taparsi qed jittieħdu passi kontra l-ħasil tal-flus

Kristy Debono, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono sostniet fil-parlament li m’għandhomx isiru abbużi maż-żgħir biex taparsi qed jittieħdu passi kontra l-ħasil tal-flus.

Fil-parlament Kristy Debono qalet li l-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew jimponi li l-liġijiet Maltin ikunu skont l-istess standards tal-UE. Bħal ħafna, l-emendi huma neċessarji iżda l-problema hi li l-MFSA tibqa’ l-istess istituzzjoni wara dawn ir-riformi. M’hemmx xejn li b’mod tanġibbli jindirizza d-dubji tal-istituzzjonijiet tant importanza.

Dawn ir-riformi qed jindirizzaw is-securities market li diġà beda jiċkien sa minn qabel il-COVID u li se jkun effettwat b’mod listing minħabba l-lista l-griża.

Mal-ħażin qed jeħel it-tajjeb; ħadd m’hu rebbieħ mill-grey listing ta’ Malta iżda qed jintefa’ iktar piż fuq l-industrija waqt li titnaqqas l-effiċjenza u l-kompetittività tal-istess industrija.

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-pajjiż ma jsirx b’show bin-negozji żgħar jew bil-pieni kbar fuq id-ditti mhux għall-ħasil tal-flus jew minħabba xi kont il-Panama iżda għax idaħħlu dokumenti tard.

Ħadd m’hu jgħid li l-pajjiż irid ikun laxk jew li ma jittieħdux il-passi iżda jrid isir sforz nazzjonali għall-bidla fil-kultura; iżda din il-kultura ma bdietx ftit ilu u ma kinitx responsabbli għall-grey listing. Dan minħabba dak li wettqu persuni fil-pajjiż u minħabba li ma ttieħdux il-passi neċessarji.

Kristy Debono qalet li l-Gvern qed ikun b’saħħtu maż-żgħir biss iżda dgħajjef mal-kbir. Hi semmiet il-pieni amministrattivi ta’ €150,000 li jissemmew fil-liġi u qalet li fil-liġi hemm kuntest wiesa’ u vast li jista’ jkun suġġett għall-pieni u dan mingħajr proċeduri fil-qorti.

Għahekk din il-piena ta’ €150,000 tista’ tkun distruttiva, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li ż-żgħir m’għandux jintuża biex jintbagħat messaġġ li issa se jibdew jittieħdu passi fuq ħasil ta’ flus.

Dan diġà qed isir fejn minħabba żbalji amministrattivi qed ikunu immultati piena iebsa wisq. Il-Gvern għandu jkun iktar dettaljat dwar kif jingħataw dawn il-pieni li jitilgħu sa €150,000.

L-Awtorità issa se jkollha l-poter ta’ ġudikant u ġurat, sostniet Kristy Debono, li sostniet li jrid jintwera impenn sħiħ fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus bi trasparenza u indipendenza tal-istituzzjonijiet waqt li ssir ġustizzja ma min għamel il-ħsara irriperabbli.

Hi tkellmet dwar il-company service providers u qalet li l-PN qed jagħmel il-proposti tiegħu wara konsultazzjoni mal-professjonisti nnfushom. Il-pajjiż issa qed jidħol fi proċeduri kumplessi li qed jostakolaw il-kompetittività tal-industrija. L-ispejjeż addizzjonali li ġew imposti se jfixklu lill-professjonist iż-żgħir u se twassal biex numru kbir ta’ providers se jispiċċaw.

Kristy Debono qalet li għandha ssir diskussjoni dwar l-FATF u sostniet li filwaqt li l-konsum qed jissaħħaħ issa hemm dubju jekk it-tkabbir ekonomiku hux robust kemm previst minħabba l-impatt tal-grey listing. Il-pajjiż jista’ biss joħroġ minn din is-sitwazzjoni bħidma kollettiva mill-partijiet kollha involuti, sostniet Kristy Debono.