Lokali

“Robert Abela jilgħab bid-diskors, jagħżel lill-ħbieb u jarmi lill-poplu Malti” – Bernard Grech

“Robert Abela qiegħed ikompli jilgħab b’diskors fieragħ. Robert Abela qiegħed ikompli jagħżel il-ħbieb u jarmi r-reputazzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi. Għalih xejn mhu xejn”.

Hekk kiteb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’post li għamel fuq Facebook fejn qal li l-Prim Ministru Abela qed jibqa’ jilgħab il-politika tal-bitħa tal-iskola u jibqa’ ma jagħżilx il-politika serja u matura.

Robert Abela jinsab b’idejh marbutin, kompla jgħid Bernard Grech, u filwaqt li jibża’ mill-ħuta l-kbira jrid jaqbad mal-ħuta ż-żgħira.Bħal dejjem kull meta jkun dahru mal-ħajt, Robert Abela jara f’min se jwaħħal jew fuq min ser idur.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li minkejja li Robert Abela jaf li hu m’għandu ebda pendenza fiskali u li għandu anke ċ-ċertifikat ta’ dan mill-Kummissarju tat-Taxxi Interni, il-Prim Ministru jibqa’ jipprova jżeffen lilu biex mingħalih jgħatti n-nuqqas serju ta‘ ħabibtu.

Bernard Grech reġa’ appella lil Robert Abela biex iħares lejn l-interess nazzjonali.

“Ħares lejn dak li qegħdin jgħidulna l-istituzzjonijiet barranin, il-korpi kostitwiti u l-Maltin u l-Għawdxin, u għamel dak li hu xieraq għall-politika Maltija. Keċċi lil Rosianne Cutajar mill-Grupp Parlamentari tiegħek. Sakemm tibqa’ hemm, ser tibqa’ kompliċi biex tibqa’ titkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna”.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal lil Robert Abela li hu kien diġà talbu jiċħad lil Joseph Muscat u jitlob li jitneżża’ mill-onorefiċenzi kollha u sal-lum għadu m’għamilhiex.

“Minn xiex qed tibża’ Prim Ministru?” staqsieh Bernard Grech.

Għall-kuntrajrju, sosta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jrid politika li fiha tassew iseħħ il-ġid komuni. Mhux għall-interess tal-ftit, iżda għall-interess tal-ħafna. Il-politiċi għandhom ikunu dawk li jagħtu l-eżempju lejn min fdahom fit-tmexxija. Għaliex hekk jimxi pajjiż serju.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jħares lejn l-interess nazzjonali għaliex nemmnu fik u għandna fiduċja f’Malta, temm jgħid Bernard Grech.