Lokali

Tliet żgħażagħ iweġġgħu f’inċident tat-traffiku

Ġuvni ta’ 19-il sena, ieħor ta’ 18 u tfajla ta’ 15-il sena sofrew ġrieħi wara li lbieraħ, għal xi 9.15pm, kineu involuti f’inċident tat-traffiku.

il-Pulizija ġiet infurmata bl-inċident li seħħ f’Ta’ Qali, limiti ta’ Ħ’Attard.
Huma marru minnufih fil-post u mill-investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li ġuvni ta’ 19-il sena kien qiegħed isuq Mazda Demio, meta għal xi raġuni tilef il-kontroll u ħabat ma’ ħajt.

Fil-vettura kien hemm ukoll żewġ passiġġieri, ġuvni ta’ 18-il sena u tfajla ta’ 15-il sena.

Tim mediku ta l-għajnuna u ambulanzi ħaddu lit-tliet persuni l-Isptar Mater Dei għall-aktar assistenza medika. Aktar tard, iż-żewġ passiġġieri ġew iċċertifikati li qed issofru minn ġrieħi ħfief, filwaqt li x-xufier ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.