Lokali

Żagħżugħ ta’ 24 sena jweġġa’ gravi f’inċident bil-mutur

Raġel ta’ 24 sena weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident bil-mutur.

L-inċident seħħ ilbieraħ, għal xi t-8.00pm meta l-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq San Pawl, in-Naxxar.

Il-Pulizija marret immedjatament fil-post hekk kif kienu mgħarrfa bl-inċident u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kien seħħ inċident bejn mutur Honda, misjuq minn raġel ta’ 24 sena residenti l-Iklin, u vettura BMW, misjuqa
minn raġel ta’ 22 sena residenti n-Naxxar.

Ix-xufier tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei u ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.