Lokali

Attività nazzjonali bit-tema ‘Fiduċja f’Malta’

Waqt l-attività nazzjonali bit-tema ‘Fiduċja f’Malta’ tkellmu wkoll George Vital Zammit, David Pace Ross u Joe Giglio li kollha waslu l-messaġġ tagħhom fid-dawl tal-pożizzjoni li pajjiżna jinsab fiha wara l-greylisting tal-FATF u numru ta’ aħbarijiet oħrajn li qed inkomplu nisimgħu min ġurnata għall-oħra.

George Vital Zammit saħaq li biex niksbu l-fiduċja f’Malta jeħtieġ ningħaqdu flimkien, u irridu nimxu id f’id biex nilħqu l-miri tagħna. “Jeħtieġ li jkollna mexxeja b’kuraġġ li jieħdu deċiżjonijiet importanti.” Hu spjega dak li għadda minnu pajjiżna fl-aħħar snin u saħaq li rridu naraw kif inġibu ruħna, għaliex ma tistax tkun għażla li nimxu b’etika. Meta kien qed jispjega l-viżjoni tiegħu Vital Zammit saħaq li rridu nsaħħu d-demokrazija billi nsaħħu l-istituzzjonijiet. Stqarr li jeħtieġ li nsaħħu l-irwol tal-Parlament biex iżomm il-Gvern kontabbli filwaqt li ngħatu libertà lis-soċjetà biex tkun tista’ taħseb u tagħżel. George Vital Zammit temm jgħid li konvint li flimkien nistgħu naslu.

Min-naħa tiegħu l-Ekonomista David Pace Ross qal li ħafna persuni li jaħdmu f’dan is-settur, jaqilgħu l-għajxien tagħhom mis-servizz finazjarja u għalahekk jifhmu perfettament l-importanza li pajjiż ikollu reputazzjoni tajba. Huwa qal li pajjiżna għandu bżonn bidla fil-menalità tal-klassi politika għax jekk din tinbidel, dan ikun il-katalist biex tinbidel il-mentalità ta’ pajjiż sħiħ. David Pace Ross qal li huwa vitali li mill-iktar fiss pajjiżna joħroġ minn din il-lista l-griża u għalhekk din għandha tkun il-prijorità assoluta tal-Gvern tal-ġurnata.

Fid-diskors tiegħu, Joe Giglio fakkar kif il-PN kien ilu jwissu li d-deċiżjonijiet li kien qed jieħu l-Gvern Laburista kienu se jwasslu għal ħsara fir-reputazzjoni. Hu saħaq li issa wasalna f’sitwazzjoni fejn ir-reputazzjoni ġiet mgħotija ċertifikat ħażin ħafna iżda stqarr li d-dnub mhux biss li ħadna din, imma għaliex minħabba f’hekk, qed nitkellmu fuq il-greylisting u mhux kif nisgħu intejjbu l-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin u kull settur li b’mod dirett jolqot lill-poplu. Joe Giglio saħaq li l-politka, għandha tkun il-politka, ta’ ideat u proposti ta’ kif nistgħu inmexxu l-pajjiż l’ quddiem “biex kullħad jimraħ fl-aspirazzjonijiet tiegħu.” Hu fakkar li ġara dak li ġara għaliex l-amministrazzjoni Laburista ma ħaditx id-deċiżjonijiet li kellha tieħu. “Għandu jkollna t-twemmin ġo fina biex naslu fejn irridu. Għandna fiduċja fil-Maltin u l-Għawdxin kollha.”

Ikkummenta