EURO 2020 Futbol Sport Stadju Finali

Björn Kuipers se jikkontrolla l-finali tal-Ħadd li ġej

(Ritratt: EPA)

Il-Kumitat tar-Referees ħabbar li Björn Kuipers se jikkontrolla l-finali tal-Euro 2020 bejn l-Italja u l-Ingilterra, liema konfront jintlagħab il-Ħadd li ġej fid-9.00pm f’Wembley Stadium. Kuipers li għandu 48 sena, ilu referee internazzjonali mill-2006. Din se tkun l-ewwel darba li referee mill-Olanda se jikkontrolla finali tal-Kampjonat Ewropew.

Fil-karriera tiegħu, l-Olandiż ikkontrolla l-finali tal-UEFA Champions League bejn Real Madrid u Atletico Madrid fl-2014, darbtejn il-finali tal-UEFA Europa League bejn Benfica u Chelsea fl-2013 u Olympique Marseille u Atletico Madrid fl-2018.

Hu kkontrolla wkoll il-finali tal-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena bejn ir-Repubblika Ċeka u r-Russja fl-2006, il-finali tal-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena bejn il-Ġermanja u l-Ingilterra fl-2009 u l-finali tas-Super Cup Ewropea bejn Barcelona u Porto fl-2011.

Kuipers ikkontrolla wkoll logħbiet waqt il-Kampjonati Ewropej fl-2012 u l-2016 u t-Tazzi tad-Dinja fl-2014 u fl-2018.

F’din l-edizzjoni tal-Euro 2020, ir-referee Olandiż ikkontrolla l-logħba li fiha l-Belġju rebħet 2-1 kontra d-Danimarka kif ukoll ir-rebħa ta’ Spanja kontra s-Slovakkja bl-iskor ta’ 5-0. Kuipers ikkontrolla wkoll il-kwarti tal-finali li d-Danimarka rebħet kontra r-Repubblika Ċeka.

Għall-finali tal-Ħadd, Kuipers se jkun assistit minn Sander van Roekel u Erwin Zeinstra filwaqt li l-Ispanjol Carlos Del Cerro Grande se jkun ir-raba’ uffiċjal. Il-Video Assistant Referee se jkun il-Ġermaniż Bastian Dankert, assistit minn Pol van Boekel, Christian Gittelmann u Marco Fritz.