Lokali

Bord tad-Dipartiment tat-Taxxa mistenni jiddeċiedi dwar il-futur ta’ Rosianne Cutajar

Il-Bord tad-Dipartiment tat-Taxxa se jiddeċiedi jekk l-investigazzjoni fil-konfront tad-deputat Laburista Rosianne Cutajar għandhiex tgħaddi għal għand il-Pulizija jew inkella tibqa’ għaddejja internatment minn dan id-dipartiment. Dan il-Bord jidher li nħatar speċifikament biex janalizza l-każ serjissimu ta’ Rosianne Cutajar.

It-Tax Compliance Unit fi ħdan id-Dipartiment tat-Taxxa qed jistenna li jingħata direzzjoni sabiex ikun deċiż jekk din l-investigazzjoni dwar potenzjalment evażjoni ta’ taxxa għandhiex tgħaddi għand il-Pulizija biex issir investigazzjoni kriminali.

Persuna li taħdem f’dan id-Dipartiment tkellem mat-Times u qalet li peress li dan il-każ jinkludi persuna esposta politikament, inħass il-bżonn li jinħatar bord u jiddeċiedi fuq dan il-każ.

Il-Kummissarju tad-Dipartiment tat-Taxxa Marvin Gaerty talab lin-nies tiegħu sabiex jinvestigaw l-allegazzjonijiet dwar is-46,000 ewro cash li rċeviet Rosianne Cutajar  meta serviet bħala sensara fid-deal ta’ proprjetà fl-Imdina li tiswa 3.1 miljun ewro, biex din tinxtara minn Yorgen Fenech.

Din l-invetigazzjoni mid-Dipartiment tat-Taxxa tinkludi wkoll lill-ħabib ta’ Cutajar Charles Farrugia, magħruf bħala Ċali t-Tikka. Farrugia serva bħala sensar, u allegatament ħa l-commission tiegħu fi flus kontanti.

Intant f’kollegament waqt il-programm Net Live, il-ġurnalist tat-Times Ivan Martin spjegalna kif hu…xhur ilu…kien tkellem personalment mas-sid ta’ din il-proprjetà fl-Imdina, kif ukoll ma’ Rosianne Cutajar. Saħaq ukoll li akkwista kopja tal-affidavid li saret mis-sid ta’ din il-binja.

Ivan Martin qalilna li kien bagħat diversi mistoqsijiet bil-miktub lil Cutajar iżda hi ma wieġbet l-ebda waħda minnhom. Huwa spjega wkoll illi ghadda d-dokumentazzjoni kollha li kellu relatata ma’ dan il-każ lill-Kummissarju tal-Istandards.