Internazzjonali

Covid-19: L-ebda bidliet fir-regoli għall-passiġġieri li jaslu fir-Renju Unit mill-pajjiżi fuq il-‘lista l-ħamra’

Mhu se jkun hemm l-ebda tibdil fir-regoli għan-nies li jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit mill-pajjiżi li huma mniżżlin fuq il-lista l-ħamra  u li tikkategorizza l-akbar periklu ta’ infezzjoni mill-coronavirus u l-varjanti tiegħu. Dan ifisser li n-nies partikulari – anki f’każi fejn huma jkunu ħadu t-tilqima sħiħa kontra l-virus – iridu jissottomettu ruħhom għal perjodu ta’ kwarantina fil-lukandi.

Dan ħabbru Grant Shapps, il-Ministru Britanniku għat-Trasport, li  insista li l-Gvern tiegħu se jkompli jsegwi d-data bir-reqqa u mhux se jżomm lura milli jieħu azzjoni fir-rigward tal-varjanti ġodda tal-Covid li qed jaffettwaw diversi bnadi tal-Ewropa.

Filwaqt li r-Renju Unit qed inaqqas mir-restrizzjonijiet, Shapps enfasizza li l-ivvjaġġar mhux se jibqa’ bħalma kien fix-xhur u s-snin ta’ qabel il-pandemija.

Il-Ministru, fl-istess ħin, irrikonoxxa d-diffikultajiet li għaddew minnhom in-nies li ma setgħux jivvjaġġaw biex jaraw lil familthom – u l-problemi li kellu jiffaċċja s-settur tal-avvazzjoni.Madankollu, hu spjega li — grazzi għall-programmi tat-tilqim kontra l-Covid – ir-Renju Unit qiegħed f’pożizzjoni fejn jista’ jevalwa ‘il-mezzi li jippermettu biex in-nies jgħixu mill-aħjar li jistgħu f’din is-sitwazzjoni ta’ pandemija waqt li tirritorna sens ta’ normalità’.

Il-Ministru Shapps ikkonferma li, mid-19 ta’ Lulju, ir-residenti Britanniċi li huma ‘fully vaccinated’ mhumiex se jkollhom jiżolaw ruħhom għal diversi ġranet ladarba jirritornaw l-Ingilterra  minn barra. Intant,huma se jkollhom jieħdu test (imsejjaħ pre-departure) qabel isiefru u test tal-PCR – b’din ir-regola għandha tkun infurzata 14-il jum wara li n-nies ikunu ħadu t-tieni tilqima.

Intant, se jibqgħu l-istess il-ħteġiet tas-sigurtà fir-rigward ta’ safar lejn il-pajjiżi fuq il-listi ‘ħodor’ u ‘amber’ fejn il-periklu ta’ infezzjoni hu anqas.

It-tfal taħt it-18-il sena li jirritornaw l-Ingilterra mill-pajjiżi fuq l-‘amber list’ mhumiex se jkollhom jiżolaw ruħhom mar-ritorn tagħhom inkella jieħdu test tal-Covid fit-tmien jum wara l-wasla. Fil-fatt, it-tfal taħt l-erba’ snin u anqas se jkunu eżenti mit-testijiet kollha – l-istess bħall-ħteġiet għall-iżolament. Shapps qal li jirrikonoxxi l-fatt li r-regoli tal-ivvjaġġar għat-tfal ilhom iħassbu lill-familji u esprima sodisfazzjon li, issa, ‘jista’ iserraħ ras il-ġenituri dwar il-fatt li l-ivvjaġġar se jkun eħfef għall-familji tagħhom’.