“Int min int, taħdem x’taħdem, trabbejt fejn trabbejt, tgħix fejn tgħix, tappoġġja lil min tappoġġja, ejjew ninsew kull differenza li tista’ teżisti u ningħaqdu wara l-bandiera Maltija. Flimkien nistgħu nħassru l-ħsara kollha li saret lill-bandiera li tant hi għal qalbna, flimkien nistgħu ngħelbu l-isfidi diffiċli kollha li għandu quddiemu pajjiżna u flimkien nistgħu verament nibdew paġna ġdida għal pajjiżna.” Kien dan il-messaġġ tal-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa fl-indirizz tiegħu waqt l-attività virtwali bit-tema ‘Fiduċja f’Malta’.
David Casa spjega li t-tema ‘Fiduċja f’Malta’ hija tema addata għal dak li għaddej minnu bħalissa pajjiżna. Hu saħaq li fil-politka, il-fiduċja hija bażi ta’ fiduċja bejn il-politiċi u n-nies li jirrapreżentaw iżda issa il-PN, qed imur pass oltre, għaliex il-fiducja tagħna għandha tkun f’pajjiżna saħaq l-MEP tal-PN. Hu stqarr li Malta hija pajjiż li ċ-ċittadini tagħha jitlewmu fuq diversi suġġetti diffrenti imma fakkar kif meta niġu għal pajjiżna għandna ninsew kull tip ta’ pika u “flimkien għandu jkollna fiduċja f’Malta.”
L-MEP tal-PN stqarr li biex nerġgħu nġibu lura l-fiduċja f’pajjiżna, irridu naraw xi ħsara saret u min kien responsabbli biex wasalna f’dan l-istat. “Jekk verament irridu nkunu onesti, l-fiduċja bdiet tintilef fl-aħħar 6 snin. Żewġ persuni responsabbli huma Joseph Muscat u Robert Abela.” David Casa saħaq li ma jistgħu jippuntaw swaba lejn ħadd għaliex Malta tilfet il-fiduċja minħabba fihom, minħabba deċiżjonijiet żbaljati, u oħrajn li ma ħadux. “Tefgħu l-interessi personali qabel dawk tal-pajjiż. L-agħar ħaġa hi li nitfgħu l-problema taħt it-tapit. Il-problema li għandu pajjiżna rridu nifmhu x’hini, nindirizzawa u flimkien ngħelbuha.” David Casa staqsa kif nistghu ngħelbu din l-isfida b’membri tal-Gvern li huma akkużati b’akkużi serjissimi.
Filwaqt li wiegħed li se jkun wara l-Kap tal-PN Bernard Grech għaliex jemmen li kapaċi jibda paġna ġdida għal pajjiżna, David Casa saħaq li “din mhux ġlieda bejn Nazzjonalisti u Laburisti, bejn blue u aħmar, imma din hija ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin, għall-aħmar u l-abjad tal-bandiera Maltija. Dan hu mument importanti għal pajjiżna, irridu nħarsu ‘l quddiem.”
//= $special ?>