Il-pulizija f’Port-au-Prince damu s-sigħat jiġġieldu ma’ grupp ta’ irġiel issuspettati dwar l-assassinar, f’nofs il-ġimgħa, tal-President ta’ Haiti, Jovenel Moise.
Il-battalji fil-kapitali komplew għat-tul taż-żmien, bl-awtoritajiet jirrappurtaw li fil-ġlied tilfu ħajjithom almenu erba’ mis-suspettati — u bil-pulizija jippersistu ‘b’kaċċa għal qattiela oħrajn li kienu qed jiżgiċċaw il-ġustizzja’.
Il-Kap tal-Pulizija Léon Charles qal li ħareġ l-ordnijiet biex ‘jinqabdu jew jinqatlu’ is-suspettati li kien għad fadal filwaqt li spjega li l-battalji bdew malli l-qawwiet għaż-żamma tal-liġi għalqu r-rotot li kienu qed jużaw il-qattiela ta’ Moise biex jaħarbu mill-inħawi.
Il-President Moise spiċċa maqtul kmieni nhar l-Erbgħa meta grupp ta’ irġiel armati assedjaw id-dar tiegħu u sparaw għal fuqu. Il-mara tiegħu – Martine Moise, il-First Lady ta’ Haiti – spiċċat feruta fl-istess attakk li qanqal xokk u stqarrijiet ta’ kundanna minn madwara id-dinja.
Intant, is-suspettati li kienu qed jiġġieldu mal-pulizija f’Port-au-Prince kienu ‘armati sa snienhom’ u anki rnexxielhom jaħtfu numru ta’ pulizija bħala ostaġġi – b’dawn il-pulizija, imbagħad, jinħelsu xi sigħat wara.
Is-sitwazzjoni fil-kapitali għadha ‘inċerta u fluwida’, bil-Kap tal-Pulizija, Charles, iħeġġeġ biex ir-residenti jibqgħu magħluqin f’darhom ‘fl-interessi tas-sigurtà’.
//= $special ?>