Mara ta’ 36 sena, residenti San Pawl il-Baħar ġiet immultata €100 wara li nstabet ħatja ta’ pussess sempliċi ta’ droga fil-Karnival tan-Nadur ta’ ħames snin ilu. Il-mara iżda ma nstabitx ħatja li d-droga li kellha fuqha ma kinitx għal użu personali tagħha.
Hija kienet mixlija li fis-7 ta’ Frar tal-2016 kellha fil-pussess tagħha seba’ pilloli ecstacy li ma kinux għall-użu esklussiv tagħha. Il-pilloli kienu nstabu fil-basket tagħha waqt spezzjoni li kienet saret mill-pulizija waqt il-Karnival tan-Nadur.
Il-mara qalet fil-Qorti li żewġ pilloli biss kienu tagħha. L-oħrajn żammithom għandha għall-persuni li kienu sejrin magħha għall-party tal-karnival. Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li mill-provi li tressqu il-mara qalet il-verità u x-xhieda tagħha kienet mis-sewwa u għalhekk instabet biss ħatja ta’ pussess sempliċi ta’ droga.
Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Mifsud qal li każijiet bħal dawn għandhom jinstemgħu minnufih u mhux wara tliet snin. Qal li kieku l-mara stenniet das-snin kollha biex tiddritta ħajjitha, jaf kien ikun tard wisq. Huwa għamel referenza wkoll għall-emendi fil-liġi li qed jiġu diskussi fil-Parlament dwar mediċini perikolużi.
Fissirhom bħala raġġ ta’ dawl għall-ġudikanti għax qal li se jippermettulhom jagħtu deċiżjonijiet li jirrikonoxxu reati relattivament żgħar u żieda tal-possibilitajiet għar-rijabilitazzjoni ta’ persuni li jbatu mid-dipendenza tad-droga. Sostna li tul is-snin il-Qorti spiċċat skjava tal-liġi għax għalkemm tifhem li jekk tapplika l-liġi kif inhi tkun qiegħda twettaq inġustizzja flok ġustizzja, ma setgħetx tagħmel mod ieħor għax kif tipprova tgħin persuna, minnufih jidħol appell mill-Avukat Ġenerali dwar dik id-deċiżjoni.
Il-Maġistrat qal ukoll li huwa faċli li persuni jinterpretaw il-liġi, iżda ġudikant irid joħloq bilanċ u jara li bid-deċiżjoni tiegħu jgħin persuni biex tassew isiru ċittadini denji ta’ dan il-pajjiż wara li jkunu għelbu s-salib li ġarrew għal snin tfal li qerdilhom ħajjithom u ħajjet qrabthom.
Temm jgħid li mhux kulħadd ikollu opportunità jew id li tgħinu jegħleb il-kalvarju li jkun daħal fih, iżda min jingħata l-opportunità għandu jeħodha u mhux jekk ma jgħinx ruħu jilmenta minħabba l-piena li jingħata. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Justine Grech.
//= $special ?>