Lokali Unjoni Ewropea

“Il-kredibbiltà u r-reputazzjoni mhux slogans imma l-għażliet it-tajba favur il-poplu Malti” – Roberta Metsola

“Għalina l-kredibbiltà u r-reputazzjoni mhux slogans imma huma l-għażliet it-tajba favur il-poplu Malti u Għawdxi.” – Kien dan il-messaġġ tal-Viċi President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola fl-indirizz tagħha waqt l-attività virtwali bit-tema ‘Fiduċja f’Malta’.

Fil-messaġġ li bagħtet minn Brussell, Roberta Metsola spjegat kif bħala omm u bħal kull ġenitur, waħda mill-ikbar tibdil fil-ħajja hija illi tiffaċja realtà ġdida li m’hemm ebda manwal għaliha li jagħmlek ġenitur perfett. Hi saħqt li d-deċiżjonijiet li nieħdu bħala ġenituri jirriflettu wkoll it-trobbija tagħna u x-xewqat li rridu aħna għal uliedna. Metsola xebħet dan mal-politka għaliex bħal fit-trobbija, m’hemm ebda manwal biex tieħu deċiżjonijiet tajbin. “Tagħmilhom dawn id-deċiżjonijiet għax tkun temmen fihom, għax jirriflettu valuri politiċi u etiċi.”

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fi Brussell fakkret kif ma kien hemm l-ebda manwal li jgħidlek biex taħdem favur l-inizjattivi biex qiegħ il-baħar ikun ġid komuni tal-umanità, ma kien hemm l-ebda manwal dwar kif tinnegozja ghall-Indipendenza, s-sħubija fl-UE jew kif idaħħal ilmunita Ewro. Kif l-istess ma kienx hemm manwal ta’ kif pajjiżna seta’ jsir ċentru tas-servizzi finanzjarji, jew biex tnaqqas id-daqqa ta’ kriżi finanzjarja fuq pajjiżna fl-2008 jew saħaqnsittra ta’ kif tirbaħ r-rispett u tiġi fdat meta l-Libja kienet għaddejja min taqlib politku qawwi. Roberta Metsola fakkret li kien il-PN li għamel dan kollu, “kienu deċiżjonijiet li ttieħdu minn Prim Ministri magħżula minn dan il-partit li ħadu l-aħjar decizjonijiet biex tejbu r-reputazzjoni ta’ Malta għaliex aħna konna fdati. Ħaddieħor kien iqisnia bħala pajjiż li tista’ torbot fuqna. Din hija l-identità tagħna, naħdmu u nagħmlu l-għażliet it-tajba b’umiltà.”

Roberta Metsola qalet li dan jikkuntrasta ferm ma dak li qed jiġri bħalissa f’pajjiżna; “Gvern Nazzjonalista kien jinnegozja biex ikabbar isem pajjiżna biex iżid il-fiduċja u r-reputazzjoni f’pajjizna. Gvern Laburista jinnegozja biex inaqqas il-ħsara li ħoloq hu stess.” L-MEP tal-PN fakkret kif il-Ministru tal-Finanzi stess qal li għamel li seta’ biex pajjiżna ma jkunx greylisted, iddeskriviet dan bħala dikjarazzjoni li ma turix enerġija imma rassenjazzjoni. Metsola kompliet tispjega li l-politiċi m’għandhomx jaqtgħu qalbhom imma għandhom ikunu politiċi ta’ azzjoni u azzjoni tajba. Hi saħqet li dan il-Gvern qed jibqa’ jagħmel deċiżjonijiet ħżiena għaliex anke wara l-Greylisting, waħda mill-ewwel deċiżjonijiet ta’ Robert Abela, kienet li Manwel Mallia jilħaq Ambaxattur fir-Renju Unit. Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew staqsiet “għalfejn din il-ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta, għazilt persuna li fid-dar tiegħu kien qal li għandu nofs miljun fi flus kontanti. Jaħseb li għamel il-ġid b’din id-deċiżjoni l-Prim Ministru. Jaħseb li għandu dritt jieħu deċiżjonijiet li bihom isaħħaħ il-Partit Laburista imma fl-istess ħin idgħajjef lil Malta.”

Roberta Metsola qalet li l-investituri privati, il-ħaddiema, il-familji u wliedna ma jixirqilhomx hekk. “Il-PN jibqa’ jgħati l-appoġġ għal dan għax dak li għandu bżonn pajjiżna. Għamilna suġġerimenti, il-Gvern għandu jgħati widen.” Hi spjegat li f’pajjiżna għandna ħafna sidien ta’ negozji zgħar, medji u kbar, għandna investituri Maltin u barranin, li huma onesti u kapaċi. “Nappella lill-Gvern biex iħallihom ikunu vetrina ta’ pajjiżna. Bħalissa dawn huma l-vittmi, jien konvinta li għandhom għal qalbhom lil pajjiżna u lesti juru li f’Malta tista’ toħloq l-impjiegi b’mod ġenwin. Dawn għandhom l-għerf, esperjenza u ghatx biex n-negozju tagħhom u pajjiżna jimxu ‘l quddiem.”

L-MEP tal-PN appellat lill-Gvern biex jagħti spazji lill-korpi kostitwiti u lill-għaqdiet ta’ min iħaddem biex ikollhom iċ-ċans juru l-ġid li jista’ jiġi ġġenerat f’suq li jkun etiku, korrett u trasparenti. Hi stqarret li bħalissa l-interess ta’ dawn l-għaqdiet huma akbar minn tal-Gvern; “dawn nies kredibbli, li jemmnu f’pajjiżna u li jistgħu jgħinu. Għandhom kapaċità li jagħmlu differenza.” Roberta Metsola saħqet li l-kredibbilità u reputazzjoni tfisser xogħol, kwalità ta’ ħajja aħjar, impjiegi u investiment, “tfisser aktar ġid li jistà jiġi investit fl-edukazzjoni, x-xogħol, ż-żgħażagħ u fl-ambjent.”