L-istaġun tal-atletika f’pajjiżna jilħaq il-qofol tiegħu fi tmiem il-ġimgħa bil-Kampjonati Nazzjonali li se jsiru fil-Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa.
Wara sena ta’ sfida għall-aqwa atleti Maltin, fejn numru ta’ avvenimenti Maltin saru fi spazju ta’ żmien ristett wara li reġgħu bdew l-attivitajiet sportivi f’Malta, kif ukoll il-parteċipazzjoni f’għadd ta’ avvenimenti internazzjonali, din se tkun l-aħħar opportunità għall-atleti biex jibbrillaw u jtemmu l-istaġun b’xi rekord nazzjonali jew tal-anqas l-aqwa riżultat staġjonali jew personali.
Fost l-atleti ta’ min iżomm għajnejh fuqhom fi tmiem il-ġimgħa u li qed ifittxu riżultat li jikkonsakra staġun mill-aqwa għalihom hemm Janet Richard (400m), Jeremy Zammit u Ian Grech fil-long jump, Steve Camilleri u Luke Bezzina fl-isprints, Graham Pellegrini fl-400m, Dillon Cassar fil-5,000m, Rachela Pace kemm fil-long jump kif ukoll fit-triple jump, Luke Farrugia fid-discus, Bradley Mifsud fil-javelin u Peppijna Dalli in fil-Polevault.
Il-Kampjonati Nazzjonali se jsiru fuq jumejn bejn is-Sibt 10 u l-Ħadd 11 ta’ Lulju 2021, mill-4 ta’ wara nofsinhar ‘il quddiem. Minħabba s-sitwazzjoni attwali b’rabta mal-pandemija, l-avveniment mhux se jkun miftuħ għall-pubbliku.
Kampjonati Ewropej ta’ taħt it-23 sena
Intant, fi tmiem din il-ġimgħa wkoll, tnejn mill-aktar atleti Maltin promettenti, Claire Azzopardi u Carla Scicluna se jkunu Tallinn, l-Estonja, biex jieħdu sehem fit-13-il edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej ta’ taħt it-23 sena li jsiru kull sentejn. Scicluna, li aktar kmieni din il-ġimgħa ngħatat konferma li se tkun qed tirrappreżenta lill-Malta fil-Logħob Olimpiku, se tieħu sehem fil-100 metru u l-200 metru, filwaqt li Azzopardi se tieħu sehem fit-triple jump u l-long jump.
//= $special ?>