Lokali

“Nemmnu fik għax aħna għandna fiduċja f’Malta” – Bernard Grech

“F’dan il-mument fl-istorja ta’ pajjiżna aħna lesti biex bħal meta pajjiżna sab quddiemu l-akbar sfidi, għal darb’oħra inkunu aħna u intom li nilgħabu rwol fundamentali f’dan il-mument. Għaliex aħna nemmnu fik. Aħna għandna fiduċja f’Malta” – Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta indirizza l-attività nazzjonali bit-tema ‘Fiduċja f’Malta’.

Bernard Grech qal li “Dan hu wieħed minn dawk il-mumenti, fejn fi spirtu nazzjonali rridu lkoll kemm aħna, ningħaqdu sabiex dak kollu li aħna ħdimna għalih flimkien b’tant sagrifiċċji tul dawn s-snin, nerġgħu nassiguraw li nirbħuħ lura, għaliex kull ġurnata fuq il-lista l-griża hija ġurnata ta’ opportunitajiet mitlufa għalina lkoll. Pajjiżna qiegħed isejħilna sabiex jerġa’ jnaddaf ismu u din hi l-għajta tal-poplu illum.”

Tul id-diskors tiegħu, Bernard Grech saħaq li dan hu mument ta’ reponsabbilita’ politika li jeħtieġ konsensus nazzjonali fejn reġa’ estenda l-invit tiegħu lill-Gvern biex nirrikonoxxu l-problema u nibdew insolvuha bil-mira li jkollna progress sal-laqgħa li jmiss tal-FATF f’Ottubru għaliex dan il-greylisting mhux se jitlaq wahdu. Il-Kap tal-PN kompla jispjega l-viżjoni tal-PN għal futur ta’ pajjiżna biex jerġa’ jkun fejn verament jixraqlu.

Il-Kap tal-PN fakkar kif għandna Gvern li qed ikompli jaħbi għaliex meta mitlub jippublika l-korrispondenza li għaddiet mal-FATF, il-Gvern għażel li jaħbi l-informazzjoni. Bernard Grech spjega li l-Gvern intalab ilaqqa’ l-Kumitat Parlamentari tal-Ekonomija u l-Finanzi biex jiddiksuti din il-materja tant urġenti u importanti, iżda rrifjuta. Il-Kap tal-PN saħaq li dan huwa l-ispirtu ta’ koperazzjoni u kollaborazzjoni li qed iħaddem il-Gvern fuq materja tant sensittiva għal pajjiżna. “Gvern li qed jinjora l-id tal-ħbiberija li qed tagħti l-oppożizzjoni. Id tal-ħbiberija li minkejja l-attitudni tal-Gvern aħna se nibqgħu noffruha għaliex aħna għandna fiduċja f’Malta.” Hu fakkar kif sa mill-ewwel jum li sar Kap tal-Oppożizzjoni, kien stqarr li jeħtieġ bidla fil-mentalita’ politika mhux biss tal-pajjiż iżda tal-partiti ukoll. “L-integrita’ trid issir il-bidu, ċ-ċentru u t-tmiem ta’ kull azzjoni ta’ persuna fil-politika. Ma jistax ikun li tibqa’ din il-kultura fejn jgħaddi kollox għaliex hu pajjiżna stess li ma jridx hekk.”

Bernard Grech saħaq li rridu nsaħħu l-linji ta’ difiża ta’ pajjizna bis-saħħa ta’ aktar riżorsi umani kwalifikati u permezz ta’ investiment fir-riżorsi materjali u teknokoġiċi. Hawnhekk stqarr li filwaqt li entitajiet privati dan għamluħ, il-Gvern u l-entitajiet tiegħu baqgħu fejn kienu. Il-Kap tal-PN stqarr li rridu nżidu l-awtorita’ u s-setgħat tal-FIAU, l-MFSA, il-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali sabiex ikunu jistgħu jinvestigaw indipendentament bis-setgħat kollha li ttiehom il-liġi, u mhux b’indħil. Dawn huma l-istituzzjonijiet li fuqhom niddependu u meta jfallu nbagħtu aħna lkoll, spjega Bernard Grech.

Meta kien qed jispjega l-viżjoni tiegħu għal Malta, Bernard Grech saħaq li għandu jkun hemm indipendenza vera u totali tal-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna mill-Gvern għaliex dan hu l-qafas ta’ kif għandha tiffunzjona s-saltna tad-dritt f’pajjiż demokratiku b’kostituzzjoni li tħares lill-poplu tiegħu. Hawnhekk iddikjara li kull min imexxi l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna għandu jkollu l-fiduċja tal-ogħla istituzzjoni u għalhekk jinħatar b’żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati wara proċess ta’ skrutinju ddettaljat.

Bernard Grech saħaq li trid tiżdied it-trasparenza f’kull kuntratt li jagħti l-Gvern u jiġu stabbiliti kriterji skond l-ammont tal-kuntratt. Saħaq ukoll li jrid bidla fil-mod ta’ kif isir il-bejgħ tac-cittadinanza ta’ pajjiżna. “Irid ikun proċess miftuħ u trasparenti bbażat fuq kriterji stabbiliti, fosthom li jkunu marbuta ma’ investiment barrani dirett.” Hu saħaq li trid titneħħa l-kultura tas-segretezza u l-ismijiet kollha jsiru pubbliċi, u li tassew ikun jezisti link ġenwin bejn il-persuna u pajjiżna.

Il-Kap tal-PN kompla jisħaq li pajjiżna jrid jippersisti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu billi jsaħħaħ il-liġijiet u l-infurzar taħghom. Saħaq li fuq kollox “irridu inbdlu l-mod tal-hsieb f’pajjiżna sabiex niżguraw li l-ebda ġenerazzjoni Maltija ma tbati minn dan u nibdew it-triq biex niksbu lura r-reputazzjoni.

Fost il-proposti li semma’ il-Kap tal-PN, stqarr li l-PN jrid jaraw sistema ta’ tassazzjoni li tinċentiva sabiex wieħed jinvesti aktar. Bernard Grech stqarr li hemm bżonn ta’ politika ekonomika bbażata fuq il-ġid komuni ta’ Malta u Għawdex. Hu saħaq li ma nistawx nibbażaw iktar it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjizna fuq in-numri għaliex l-esperjenza wriet li dan mhux sostenibbli. “U minflok iż-żieda tal-impjiegi biss, irridu nħarsu lejn l-ekonomija b’mod differenti – dak li jtina valur miżjud.”

Bernard Grech kampja jisħaq li mal-PN jaħdem kulħadd, “U biex nagħmlu hekk għandna bżonn lil kulhadd.”

Ikkummenta