Lokali

Skomdi ferm biex jiddefendu lil Rosianne Cutajar

Skomdi bil-mistoqsijiet tagħna; skomdi bid-domandi dwar il-kollega tagħhom Rosianne Cutajar.

Wara li saqsejna erba’ Ministri tal-Gvern, Ian Borg, Anton Refalo, Jose Herrera u Julia Farrugia Portelli…. issa kien imiss li nistaqsu lis-Segretarju Parlamentari Clifton Grima x’jaħseb dwar Rosianne Cutajar…. u bħal sħabu, kien skomdu meta saqsejnih jekk hux komdu jaħdem ma’ Rosianne Cutajar wara li nstabet ħatja ta’ ksur ta’ etika, bil-mod kif daħħlet ammont kbir ta’ flus minn senserija fuq proprjetà fl-Imdina illi ried jixtri Yorgen Fenech.

Clifton Grima qal li għandu fiduċja fl-istituzzjonijiet, izda ma weġibx jekk għandux fiduċja f’Rosianne Cutajar…..u għal domanda wara l-oħra, is-Segretarju Parlamentari baqa’ jevita milli jwieġeb b’mod dirett.

Fl-aħħar jiem kompliet tikber il-pressjoni fuq id-Deputati tal-Gvern dwar kif se jwieġbu għall-kollega tagħhom… wara li għażlet li żżomm postha fil-Grupp Parlamentari Laburista – b’Robert Abela evidenti li jinsab komdu b’dan kollu, għaliex ma keċċihiex u l-unika deċizzjoni li ħa dwarha, kien li ma jiddeċidix.