Sport Sport Ieħor

Xahar impenjattiv għal Badminton Malta

Wara is-suċċess bl-aħbar li Matthew Abela se jkun wieħed mill-atleti li se jkun qed jikkompeti fl-olimpjadi ta’ Tokyo dan ix-xahar, Badminton Malta kompliet b’organizzazzjoni ta’ tliet avvenimenti biex tkompl tinvesti f’diversi oqsma ta’ dan l-isport.

Kors tal-Umpires

L-ewwel minn dawn l-avveniment kien Kors għall-Umpires, li ġie preparat u mogħti minn Sven Serré, li huwa il-Kap tal-Bord tal-Assessjar tal-Umpires Ewropej u Chairperson tal-Kummissjoni tal-Uffiċjali Tekniċi ta’ Badminton Europe. Tmien umpires ġew imħarrġa fl-ewwel livell ta’ umpiring fuq livell dinji. Dan sar ukoll bi tħejjija għal żewġ kompetizzjonijiet internazzjonali li se jiġu organizzati f’Malta fl-aħħar ta’ din is-sena u fil-bidu tas-sena 2022. B’dan il-pass, dawn l-umpires issa jistgħu ikomplu jitħarrġu biex itejbu kemm il-livell lokali kif ukoll biex ikunu jistgħu jagħmlu umpiring fix-xena internazzjonali. Dan jawgura tajjeb għall-futur tal-aspett tekniku organizzattiv ta’ Badminton Malta.

Kors għall-Coaches

Kien imiss il-kors ta’ livell wieħed fil-coaching tal-badminton fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, livell rikonoxxut mill-Għaqda Dinjija tal-Badminton (BWF). Disa’ coaches, kemm lokali kif ukoll barranin attendew dan il-kors li ġie mogħti minn Martijn van Dooremalen, kowċ Netherlandiż ta’ esperjenza u li jgħallem coaches madwar id-dinja. Dan il-kors miss diversi aspetti tal-coaching tal-badminton fosthom it-teknika, il-komunikazzjoni u pedagoġija. Permezz ta’ dan il-kors issa dawn il-coaches jiżdiedu mal-lista uffiċjali ta’ coaches li se jkomplu jkabbru il-komunita’ tal-badminton f’Malta.

Training Camp għall-akkademja

Ma setax jonqos li f’dan il-perjodu Badminton Malta tkompli taħdem fuq il-livell tal-plejers li huma parti mill-akkademja tagħha. Bħala parti mill-preparazzjoni għal kompetizzjonijiet internazzjonali li ġejjin kif ukoll parti minn pjan ikbar tal-akkademja, Badminton Malta organiżżat training camp li fih laqgħet lil coach internazzjonali Judith Meulendijks, ukoll minn Netherlands. Judith kienet wkoll tutor fil-kors għall-coaches. Judith hija eks-atleta li irrappreżentat lil pajjiżha diversi drabi f’kompetizzjonijiet internazzjonali fosthom l-Olimpjadi ta’ Sydney fis-sena 2000 u fl-Uber Cup fejn għenet lil pajjiżha jirbaħ bronż u fidda f’żewġ edizzjonijiet. Judith kienet ukoll waħda mill-coaches taċ-ċentru ta’ Eċċellenza ta’ Badminton Europe, ċentru li laqa’ wkoll żewġ atleti Maltin fuq bażi professjonali, Matthew Abela u Sam Cassar. Sebat ijiem ta’ taħriġ intensiv li kien ta’ spinta, kemm lill-plejers tal-akkademja kif ukoll lil xi plejers barranin li ġew Malta propju għal dan it-training camp.

Dawn l-attivitajiet kollha saru bis-sostenn ta’ għajnuniet minn BWF, kif ukoll skemi ta’ SportMalta u b’kollaborazzjoni sħiħa mill-Kumpless Sportiv ta’ Kirkop u Cottonera.