Lokali Sport

Bernard Grech jifraħ lil Ħamrun Spartans għar-rebħ tal-Kampjonat Premier Malti

“Nawguralkom suċċess għal futur iżda fuq kollox nawgura li tibqgħu toffru futur liż-żagħżagħ sabiex mhux biss itejbu l-ħiliet tagħhom fl-isport iżda ankè fil-valuri umani li jsawwruna.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif flimkien ma’ delegazzjoni tal-Partit, magħmula mid-Deputati Parlamentari Clyde Puli u Mario de Marco kif ukoll kandidati tal-PN; Paula Mifsud Bonnici, James Aaron Ellul, Darren Carabott u Justin Schembri kif ukoll maċ-Chairperson ta’ Tim Sport PN, Christian Micallef, laqa’ lill-membri tal-iskwadra ta’ Ħamrun Spartans… friski mir-rebħ tat-tminn Kampjonat Premier fejn preżentawlu t-trofew tant prestiġjuż tal-Kampjonat fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.

Bernard Grech awgura lill-iskwadra Ħamruniża sabiex ikunu ta’ eżempju b’determinazzjoni u xogħol impenjattiv ankè fid-dawl li din is-sena kienet waħda differenti mis-snin ta’ qabel kawża tar-riperkussjonijiet li ġabet fuq il-pajjiż il-pandemija.

Minn naħa tiegħu l-President ta’ Ħamrun Spartans, Joseph Portelli, rringrazzja lill-Partit Nazzjonalista talli laqa li l-iskwadra fid-Dar Ċentrali filwaqt li tenna r-ringrazzjament tiegħu rigward il-bini tal-istadium wara li l-kunsillieri lokali Nazzjonalisti fil-Ħamrun ma għamlu ebda oġġezzjoni għal dan il-proġett. Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista preżenta lill-iskwadra għotja ta’ rikonoxximent filwaqt li minn naħa tagħhom il-club preżenta lil Bernard Grech flokk tal-iskwadra bħala tifkira.