Internazzjonali

Covid-19: Ir-Renju Unit irid jirrikonoxxi malajr l-isforzi lejn it-tilqim ta’ ċittadini barranin bil-għan li jistimola lit-turiżmu għas-sajf

Ir-Renju Unit qed jaħseb biex jistimola l-industrija tat-turiżmu għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin b’li jirrikonoxxi – mill-aktar fis — l-impenji lejn it-tilqim sħiħ taċ-ċittadini li ġejjin minn pajjiżi oħra.

Dan qalu s-Segretarju Britanniku għat-Trasport Grant Shapps meta l-bookings għall-ivvjaġġar għamlu qabża kbira ‘il quddiem fl-aħħar ġranet.

It-titjib fis-sitwazzjoni tal-bookings hi fuq kollox dovuta  għad-deċiżjoni biex il-Britanniċi li jirritornaw pajjiżhom mill-Istati mniżżlin fuq il-lista ‘Amber’ ( li tissimbolizza kategorija ta’ periklu partikulari ta’ infezzjoni mill-Covid) ma jkollhomx għalfejn jgħaddu minn perjodu ta’ kwarantina sa minn wara d-19 ta’ Lulju li ġej.

Sadanittant, il-kelliema għall-unions wissew li n-nies li qed jirritornaw l-Ingilterra minn barra kapaċi jsofru l-inkonvenjent ta’ stennija akbar minn tas-soltu waqt il-‘peak hours’  fl-ajruporti minħabba t-testijiet u proċeduri ta’ sigurtà rigorużi li jridu jkunu rispettati fid-dawl tal-pandemija.

Fi żviluppi oħra, il-contact tracing app tan-National Health Service (NHS) għall-Ingilterra u Wales kapaċi jkun aġġustat għal livell anqas sensittiv bil-għan li jonqsu l-ammonti tan-nies li jkunu rikjesti li jagħmlu żmien iżolati minn ħaddieħor bħala prekawzjoni,

Hu minnu wkoll li l-każi tal-Covid u l-varjanti komplew jitilgħu fir-Renju Unit meta  kienu rreġistrati  32,551 infezzjoni ġdida għal nhar il-Ħamis – flimkien ma’ 35 każi tal-mewt fi żmien 28 jum mindu l-persuni speċifiċi kienu ħarġu pożittivi minn test.

Fl-aħħar sigħat, intant, analiżi ġdida tad-data relatata mar-rati tal-infezzjonijiet preżenti żvelat li s-sogru ġenerali li t-tfal jimirdu serjament jew anki jmutu bil-konsegwenza tal-coronavirus hu wieħed baxx għall-aħħar.

Sadanittant, kollox jindika li l-Olimpjadi ta’ Tokjo se jinżammu wara bibien magħluqa hekk kif il-Gvern tal-Ġappun kien kostrett li jiddikkjara stat ta’ emerġenza fil-kapitali…Emerġenza li se ddum għaż-żmien kollu li jdum għaddej il-logħob, b’kawża ta’ firxa għolja  tal-varjant Delta fost il-poplu.

Il-Prim Ministru Yoshihide Suga saħaq li huwa essenzjali li jevita sitwazzjoni fejn Tokjo kapaċi ssir ċentru ewlieni ta’ infezzjonijiet — għaldaqstant dan l-ispettaklu sportiv se jkun nieqes mill-udjenzi u l-folol.

Dan kontra kull xejra mistennija hekk kif sal-ġimgħa l-oħra, xi uffiċjali kienu baqgħu jinsistu li l-logħob seta’ jkun organizzat b’mod sigur  li anki seta’ jippermetti għall-ispettaturi.

Intant, il-Ministeru tas-Saħħa fit-Tuneżija qal li s-sitwazzjoni b’rabta mal-COVID-19 hija waħda katastrofika hekk kif is-sistema tas-saħħa f’dan il-pajjiż Afrikan ikkrollat b’konsegwenza tal-infezzjonijiet.

Ikkummenta