Internazzjonali

Haiti: Eks suldati tal-Kolombja ‘involuti’ fil-qtil tal-President

Talanqas sitta fost il-membri tal-grupp tal-irġiel armati li, nhar l-Erbgħa, qatlu lill-President ta’ Haiti. Jovenel Moise, fid-dar tiegħu kienu indikati bħala eks-suldati tal-Kolombja.

Il-Ministru tad-Difiża ta’ Haiti, Diego Molano, qal li l-informazzjoni inizjali tindika li l-qattiela partikulari huma ċittadini Kolombjani li rtiraw ftit taż-żmien ilu mill-Armata ta’ pajjiżhom. Mhux eskluż li s-sitta kienu jiffurmaw parti minn skwadra elit tal-militar Kolombjan u l-preżenza ta’ eks-suldati barranin waqt l-azzjoni qattiela f’Haiti għandha tikkumplika l-kriżi f’dan il-pajjiż li għadu maħkum mill-inċertezza.

Inghad li talanqas 30 merċenarji barranin kienu involuti fl-attakk u li numru minn dawn qegħdin jinżammu taħt arrest wara battalja qalila f’Port-au-Prince bejn il-pulizija ta’ Haiti u s-suspettati qattiela tal-President. F’din il-battalja nqatlu wkoll numru ta’ nies suspettati li kienu involuti fl-assassinar ta’ Moise.

Sadanittant, Diego Molano ħareġ direttivi biex l-Armata u l-Pulizija tal-Kolombja jgħinu fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Moise – u wara li fl-azzjoni tal-Erbgħa indarbet anki l-First Lady ta’ Haiti, Martine Moise.

Fl-istess ħin, numru ta’ suspettati għadhom qed jiżgiċċaw lill-ġustizzja meta għadu mhux ċar min organizza l-attakk fuq il-President u x’seta kien l-iskop ta’ warajh.