Lokali Qorti

Libjan mhux ħati f’ġuri li stupra lil martu

Il-ġurati b’seba’ voti kontra tnejn ma sabux ħati Libjan ta’ 33 sena li għadda ġuri fejn kien qed jiġi akkużat bi tliet kapi ta’ akkuża, l-aktar waħda gravi li stupra lil martu. Huwa beda għaddej proċeduri nhar it-Tnejn li għaddew quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja mixli li lejliet il-Milied tal-2018 huwa stupra lil martu ta’ nazzjonalita Maltija.

L-allegata vittma tiġi wkoll omm ibnu li llum għandu ħames snin. Il-każ allegatament seħħ f’appartament f’Tas-Sliema meta l-koppja kienet għada għaddejja minn proċeduri ta’ separazzjoni.  Il-ġuri ġie fit-tmiemu għall-ħabta tas-2.00pm. meta d-difiża għamlet il-kontro-replika tagħha wara li l-Prosekuzzjoni tagħat il-verżjoni tagħha dwar il-każ.

Kien iżda wara l-pranzu għall-ħabta tal-4.00pm. li l-ġurati, sitt irġiel u tliet nisa li bdew bix-xogħol tagħhom ta’ deliberazzjoni biex jaslu għall-verdett. Wara tliet sigħat u nofs huma ħarġu bil-verdett tagħhom ta’ mhux ħati. Ir-raġel kien qed jiġi akkużat bi stupru aggravat minħabba li l-allegata vittma kienet martu fid-data tar-reat, kif ukoll li wettaq atti sesswali mhux kunsenswali fuq il-mara u li heddidha u li kkaġunla biża ta’ vjolenza.

Il-minimu ta’ priġunerija f’każ ta’ ħtija f’dan il-każ kieku nstab ħati huwa ta’ seba’ snin ħabs filwaqt li l-massimu huwa ta’ 16-il sena. Meta kien tressaq il-Qorti l-Prosekuzzjoni kienet qalet li waqt li kien fil-kustodja tal-Pulizija l-Libjan kien ipprova jerġa jagħmel kuntatt ma’martu minkejja li kien impedut milli jagħmel dan. Kien ġie allegat li huwa kien mar wara l-bieb tad-dar tagħha.

Il-Prosekuzzjoni wkoll kienet informat lill-Qorti li anke waqt li kien arrestat ipprova jċempel lil martu, u li pprova wkoll jitkellem ma’ persuni oħra li kellhom jixhdu fil-każ. Kien ingħad ukoll li l-akkużat kien qed jippjana wkoll li jitlaq minn Malta lejn iċ-Ċina. Ir-raġel qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Il-Qorti pprojbixxiet il-pubblikazzjoni tal-ismijiet b’rabta ma’ dan il-każ, fosthom tal-akkużat biex tipproteġi lill-vittma. Ir-raġel, li dejjem wieġeb li huwa nnoċenti kien qal ukoll li ma kellux l-intenzjoni li jċempel lill-vittma u wara kien ukoll ta l-mowbajl tiegħu lill-Pulizija. Għall-akkużat deheru l-Avukati Mario Mifsud u Christian Camilleri.